Navigate Up
Sign In
Language: English
A A A

IMNIEDI L-PROGRAMM NAZZJONALI TA’ SCREENING GĦALL-KANĊER FIL-MUSRANA

Reference Number: PR 2597, Press Release Issue Date: Nov 26, 2012
 
​Il-Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita`, l-Onor. Joe Cassar dalgħodu nieda Programm Nazzjonali ta’ Screening għall-Kanċer fil-Musrana. Il-Kanċer fil-musrana l-kbira huwa t-tieni l-aktar kanċer komuni fil-gżejjer Maltin u dan jaffetwa kemm irġiel kif ukoll nisa. Ir-riskju ta’ dan it-tip ta’ kanċer jikber għal dawk li jkollom ħamsin sena ‘l fuq. Fis-sena 2010 ġew irrapurtati 232 każ ta’ kanċer tal-musrana, 119 minnom li kienu rġiel. Kull sena jmutu madwar 100 ruħ minn din il-marda.
 
Biex ikompli jitwettaq il-Pjan Nazzjonali dwar il-Kanċer 2011 – 2015, il-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita` kompla bl-isforzi tiegħu fil-ġlieda kontra l-kanċer. Fix-xhur li għaddew kienet għaddejja ħidma intensiva ta’ preparazzjoni biex jibda jingħata dan is-servizz ġdid. L-ewwel ċiklu ta’ sentejn se jkun miftuh għall-irġiel u nisa bejn 60 u 64 sena (jiġifieri dawk li twieldu bejn l-1949 u l-1953), fejn propju tinsab l-ogħla inċidenza ta’ din il-marda.
 
L-Onor. Cassar saħaq li l-programm se jibni fuq is-suċċess tal-mudell tal-Programm Nazzjonali ta’ Screening għall-Kanċer tas-sider, fejn l-investiment li għamel il-Gvern fis-sistemi tal-informatika issa se jagħmilha possibli biex ikunu ikkordinati programmi oħra ta’ screening. L-istedina tintbagħat id-dar bil-posta wara selezzjoni awtomatika mill-kompjuter fuq bażi ta’ data ta’ twelid.
 
It-test jikkonisisti minn test sempliċi li wieħed jista’ jagħmel fil-privatezza ta’ daru. Dan it-test m’għandux bżonn restrizzjonijiet ta’ dieta jew mediċini. Hekk niżguraw li jkun aktar faċli biex wieħed jaċċetta l-istedina u jieħu sehem f’dan il-programm. Permezz ta’ dan it-test nistgħu nilqgħu għal din il-marda minn qabel u jitneħħew felul qabel ma jsiru kanċerużi. B’hekk titnaqqas l-inċidenza tal-marda. Jistgħu wkoll jinstabu sinjali ta’ dan il-kanċer fi stadju bikri.
 
Dawk li jinstabilhom it-test pożittiv jiġu riferuti għal aktar testijiet wara li jingħataw il-pariri meħtieġa. Dawn it-testijiet jistgħu jinvolvu kolonoskopija, testijiet tal-laboratorju u/jew mikroskopju u testijiet oħra skont il-ħtiġijiet ta’ l-individwu.
 
Dan ser ikun servizz bla ħlas u hu msejjes fuq linji gwida għall-assikurazzjoni ta’ kwalita` għal screening u dijanjosi bikrija ta’ kanċer fil-musrana, kif stabbilit mill-Unjoni Ewropeja.