KTIEB ĠDID DWAR DE SOLDANIS GĦALL-ISTUDENTI TAL-MALTI

Reference Number: PR 2334, Press Release Issue Date: Oct 24, 2012
 
​De Soldanis: L-esploratur tal-Ilsien Malti huwa ktieb ġdid għall-istudenti tal-Malti li qed iħejju ruħhom għall-eżamijiet taċ-Ċertifikat ta’ Edukazzjoni Sekondarja (ĊES). Dan il-ktieb, miktub minn Rosabelle Carabott, jinkludi tagħrif interessanti dwar il-ħidma tal-Kanonku Ġann Piet Franġisk Agius de Soldanis li twieled ir-Rabat, Għawdex fl-1712 u li baqa’ magħruf għall-ħidma tiegħu bħala lingwist, librar u storiku.
 
Il-publikazzjoni ta’ dan il-ktieb hija waħda mill-inizjattivi marbuta ma’ sensiela ta’ attivitajiet li jfakkru it-tliet mitt sena mit-twelid ta’ dan il-persunaġġ Għawdxi li bil-ħidma tiegħu naqqax ismu fl-istorja ta’ pajjiżna. Barra li ħadem kemm felaħ għall-promozzjoni tal-ilsien Malti, bil-publikazzjoni tal-grammatika de Soldanis ried juri li l-ilsien tal-Maltin u l-Għawdxin seta’ jiġi mgħallem u miktub fuq regoli grammatikali u b’hekk jintuża wkoll f’xogħlijiet letterarji. 
 
Il-ktieb ġie uffiċjalment imniedi mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, waqt attività mtellgħa fl-Iskola Sekondarja tas-Subien, u li għaliha attendew, fost l-oħrajn, studenti bniet u subien mill-iskejjel sekondarji f’Għawdex. Il-Ministru Debono spjegat kif din l-inizjattiva tal-Ministeru għal Għawdex sabet l-appoġġ sħiħ ta’ Heritage Malta u tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università li ħadmu flimkien mal-awtriċi biex jiġi ppreżentat dan il-ktieb li jagħti ġieħ xieraq lil dan il-bniedem li kien tant kburi bl-istorja u t-tradizzjonijiet ta’ pajjiżna.
 
Il-Ministru Giovanna Debono fissret li minbarra li se jkun ta’ għajnuna fl-istudji, dan il-ktieb għandu wkoll ikabbar l-għarfien dwar dan il-persunaġġ. Hija kompliet tħeġġeġ lill-istudenti biex jagħrfu japprezzaw aktar dak kollu li jagħti identità partikolari lill-gżejjer tagħna.  
 
Waqt din l-attività tkellmu wkoll l-awtriċi, Rosabelle Carabott, u s-Sur Sandro Spiteri, Direttur tal-Kurrikulu fid-Direttorat tal-Edukazzjoni.
 
It-tnedija ta’ dan il-ktieb saret fl-istess waqt li fil-Bibljoteka Nazzjonali ta’ Malta qed tittella’ wirja dwar ix-xogħlijiet manuskritti u ppubblikati ta’ De Soldanis. Din il-wirja qed issir bħala parti minn programm ta’ attivitajiet biex jitfakkar b’mod xieraq it-300 anniversarju mit-twelid ta’ dan il-persunaġġ Għawdxi. Il-Ministeru għal Għawdex ingħaqad ma’ Heritage Malta, id-Dipartiment tal-Malti tal-Università kif ukoll il-Bibljoteka Nazzjonali ta’ Malta biex fassal programm kommemorattiv li mistenni jilħaq il-qofol tiegħu fis-16 ta’ Novembru f’lejla uffiċjali li ser issir taħt il-patroċinju tal-President tar-Repubblika, il-Palazz, il-Belt.
 
Fil-jiem li ġejjin il-ktieb se jkun aċċessibbli fis-sit  http://malti.skola.edu.mt/