STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA: L-ARC b’donazzjoni għal taħriġ għall-istaff mediku tal-GU Clinic

Reference Number: PR161611, Press Release Issue Date: Jul 18, 2016
 
L-Allied Rainbow Communities (ARC) din il-ġimgħa ppreżentaw donazzjoni ta’ ’l fuq minn €2,000 lill-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne. Din id-donazzjoni ntużat biex tliet persuni mill-istaff mediku tal-GU Clinic ingħataw taħriġ speċjalizzat f’St Mary Hospital ta’ Londra u fl-isptar ta’ Bertinoro fl-Italja.
 
Dan it-taħriġ għen biex l-istaff tal-GU Clinic iżid l-għarfien tiegħu kemm fuq mard trasmess sesswalment, kif ukoll dwar il-ġbir ta’ informazzjoni fuq it-trattament, b’riżultat li ssir taf bl-infezzjoni aktar kmieni u li jibda t-trattament immedjat.
 
Il-Ministru għas-Saħħa rringrazzja lill-NGO ARC li hija NGO li taħdem qalb il-komunitajiet LGBTI+ għall-ġest nobbli li għamlu u li permezz tiegħu se jibbenefikaw ħafna nies.