STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, ŻVILUPP SOSTENIBBLI U TIBDIL FIL-KLIMA

Reference Number: PR171941, Press Release Issue Date: Aug 29, 2017
 
B’referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-BirdLife Malta, il-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp ​Sostenibbli u Tibdil fil-Klima jikkjarifika li l-Bord tal-Ornis huwa fil-fatt diġà uffiċjalment approvat u l-membri qegħdin jiġu notifikati, qabel jiftaħ l-istaġun. Il-Bord tal-Ornis ser ikun ippresedut mill-Maġistrat irtirat Dennis Montebello bħala Chairman, is-Sur Sergei Golovkin bħala segretarju tal-Bord, kif ukoll membri oħra mill-komunitajiet tal-kaċċa u NGOs li jaħdmu għall-ħarsien tal-għasafar. 
 
Il-Ministru Josè Herrera tenna li se jkun qiegħed jiltaqa’ ma’ dan il-kumitat fil-ġranet li ġejjin filwaqt li assigura li dan l-istaġun ser ikun irregolat mill-Ornis bħal kull staġun ieħor. 
 
Tul l-aħħar snin sar progress. Meta mqabbla mal-livelli ta’ infurzar li kien hemm qabel l-2013, l-uffiċjali mqabbda biex jinfurzaw żdied b’aktar mid-doppju, in-numru ta’ spezzjonijiet fuq il-post żdied iktar minn erba’ darbiet, filwaqt li n-numru ta’ għasafar protetti li ġew feruti jew maqtula naqas b’mod sinifikanti.
 
Is-Segretarju Parlamentari għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri qal li ser ikompli jisħaq għal aktar kooperazzjoni bejn l-entitajiet konċernati sabiex, filwaqt li jiġi mħares id-delizzju tal-kaċċaturi, dan isir b’mod responsabbli f’konformità sħiħa mal-liġi.