STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET EWROPEJ U L-UGWALJANZA

Reference Number: PR172837, Press Release Issue Date: Dec 07, 2017
 
Cimic Civil Military Cooperation ir-rebbieħa prinċipali tal-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-sena 2017

L-Erbgħa filgħaxija tħabbru s-seba’ rebbieħa tal-kategoriji tal-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2017. B’kollox kienu wieħed u ħamsin l-individwi, teams u kumpaniji nnominati fl-edizzjoni ta’ din is-sena. 
 
Ic-Cimic Civil Military Cooperation kienu r-rebbieħa tal-kategorija ‘Team tas-Sena’, kif ukoll ir-rebbieħa tal-‘Premju Prinċipali’ tas-serata. B’ żewġ trofej f’idhom, dan it-team ħa rikonoxximent tal-ħila tagħhom li jaħdmu flimkien b’mod effettiv, koordinat u b’suċċess. Huma kienu fost is-sebgħa nominati għall-kategorija ta’ ‘Team tas-Sena’ u rebħu t-titlu prinċipali minn fost in-nominati kollha tas-serata.
 
Għall-kategorija ta’ ‘Ħaddiem Mudell tas-Sena’, li tippremja lill-ħaddiem li jnissel il-ġid fl- organizzazzjoni fejn jaħdem bil-ħidma tiegħu u li jħeġġeg lill-oħrajn biex jagħmlu bħalu, kienu nominati dsatax-il individwu. Ir-rebbieħ, li se jġorr it-titlu ta’ ‘Ħaddiem Mudell tas-Sena’ għall-2017, huwa Reuben Gatt, ħaddiem ta’ Simonds Farsons Cisk. 
 
Victor John Curmi, manager fil-kumpanija ta’ Magro Brothers, rebaħ it-titlu ta’ ‘Manager tas-Sena’. Fost it-tnax-il manager innominat, Curmi kien rikonoxxut bħala l-iktar manager li b’xogħlu kattar ġid għall-organizazzjoni fejn jaħdem filwaqt li ħeġġeġ lill-ħaddiema oħra jagħmlu bħalu.
 
Ivan Calleja, is-sid tan-negozju The Convenience Shop, rebaħ it-titlu ta’ ‘Employer tas-Sena’. Għal din il-kategorija kienu sitta l-employers nominati. B’dan it-titlu, Calleja kien rikonoxxut bħala l-iktar individwu li jħaddem in-nies li jieħu ħsieb lill-ħaddiema u li wera ħila fl-għażla tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol. 
 
Iż-żewġ kategoriji ġodda għal din l-edizzjoni, il-premju għall-iktar kumpanija li toffri family-friendly measures u l-premju għall-iktar kumpanija li tinkoraġixxi l-ugwaljanza, intrebħu minn Vodafone Malta u Grand Hotel Excelsior rispettivament. Vodafone Malta kienet l-iktar kumpanija, mill-erbgħa nominati, li skont il-ġurija iffaċilitat ħajjet l-impjegati bl-iktar riżorsi għal bilanċ bejn ir-responsabbiltajiet tax-xogħol u tal-familja, filwaqt li Grand Hotel Excelsior spikkat għall-varjetà ta’ ħaddiema b’nazzjonalitajiet differenti li tħaddem u l-ugwaljanza li toffri b’oppportunitjiet indaqs lin-nisa u lill-minoritajiet f’kull livell tal-organizazzjoni. 
 
Il-board tal-għażla indipendenti kien immexxi mill-Avukat Dr Anna Mallia. 
 
Waqt is-serata l-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli sellmet lill-ħaddiema kollha ta’ pajjiżna li bis-saħħa tagħhom Malta qed timxi ’l quddiem u tikseb riżultati ekonomiċi bla preċedent. Il-Ministru semmiet li llum f’pajjiżna hawn aktar xogħol milli hawn ħaddiema biex jagħmlu dan ix-xogħol kollu. Hija qalet li l-Gvern se jibqa’ impenjat biex dejjem itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema kif għamel tul dawn l-aħħar erba’ snin.  
 
Helena Dalli tkellmet fuq l-importanza tal-indipendenza finanzjarja ta’ kull persuna adulta, mhux l-anqas biex ħadd ma jkun kostrett jgħix f’relazzjonijiet abbużivi. Hija qalet li, apparti għal raġunijiet ekonomiċi, din hija raġuni oħra għala l-Gvern qed jaħdem biex aktar nisa jidħlu fis-suq tax-xogħol. Il-Ministru Dalli tkellmet ukoll fuq il-fastidju fuq il-post tax-xogħol u qalet li x-xogħol u l-post tax-xogħol għandhom jagħtu d-dinjità lill-bniedem u mhux jeħduhielu. Hija faħħret id-deċiżjoni ta’ Time Magazine li għażel bhala Person of the Year lill-grupp ta’ nisa li tkellmu fuq l-abbuż sesswali fuq il-post tax-xogħol u li permezz tagħhom aktar nisa madwar id-dinja u fl-industriji kollha tkellmu fuq dawn l-esperjenzi.