STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA U L-IMMANIĠJAR TAL-ILMA: Jinħattu l-aħħar żewġ ċmieni tal-konkos fil-Power Station tal-Marsa

Reference Number: PR172838, Press Release Issue Date: Dec 07, 2017
 
Waqt li kien preżenti fis-sit fejn kien hemm il-Power Station tal-Marsa, flimkien maċ-chairman u l-management ta’ Enemalta plc, il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi qal li l-jum tal-lum se jitniżżel fl-istorja ta’ Malta hekk kif l-Enemalta ħattet l-aħħar żewġ ċmieni tal-konkos li kien għad baqa’, twaqqigħ ta’ żewġt iċmieni li kienu jaħdmu bil-Heavy Fuel Oil. 

Dawn huma strutturi li nbnew fl-1970, u fl-1986. Ċumnija minnhom twila 81 metru ’l fuq mill-art u b’ħames metri wiesa’, l-itwal struttura li kien hemm f’dan il-post. Filwaqt li ċ-ċumnija l-oħra hi twila 42 metru, ċumnija li kienet tagħmel parti minn struttura li kienet tinkludi żewġ boilers u żewġ turbini ta’ 30 megawatt kull waħda.

Il-Ministru Mizzi qal li t-twaqqigħ sar hekk kif issa l-pajjiż qed jiġġenera elettriku nadif iġġenerat mill-gass u mhux aktar mill-Heavy Fuel Oil.  Dan filwaqt li l-Gvern kommess li jkompli jiżviluppa ż-żona tal-Marsa għal ambjent aktar sigur u nadif permezz ta’ konsultazzjonijiet futuri.

Waqt it-twaqqigħ, il-kuntratturi segwew pjan metikoluż approvat mill-awtoritajiet tal-ambjent u tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, filwaqt li ttieħdu diversi miżuri ta’ prevenzjoni biex jiġu mħarsa l-ħaddiema f’dan il-proġett, u oħra f’postijiet tax-xogħol fl-inħawi. 

​