STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA, DRITTIJIET TAT-TFAL U SOLIDARJETÀ SOĊJALI: L-ebda indħil politiku fl-operat u t-twettiq tal-funzjonijiet tal-Bord Konsultattiv dwar it-Tfal u Żgħażagħ

Reference Number: PR180285, Press Release Issue Date: Feb 08, 2018
 

“L-esponent jiddikjara li ma rriżultax illi kien hemm xi pressjoni politika fuq xi deċiżjoni meħuda mill-Bord Konsultattiv. Filwaqt li jista’ jkun li xi ġenituri bioloġiċi marru kellmu xi Ministru, kif wara kollox għandhom kull dritt li jagħmlu, mill-provi prodotti, ma rriżulta l-ebda influwenza ministerjali fuq id-deċiżjonijiet mogħtija mill-Bord Konsultattiv.” 

Dawn huma l-konklużjonijiet tal-Imħallef Michael Mallia fl-inkjesta dwar l-Operat u Twettiq tal-Funzjonijiet tal-Bord Konsultattiv dwar it-Tfal u Żgħażagħ (Children’s and Young Persons Advisory Board) maħtura mill-Prim Ministru wara li l-Membru Parlamentari Robert Cutajar, waqt seduta tal-Parlament fil-21 ta’ Ottobru 2015, kien allega li f’diversi ċirkostanzi dan il-Bord naqas li jagħti każ ir-rapporti tas-social workers u li ttieħdu deċiżjonijiet kontra l-interess tat-tfal. 

L-Imħallef Mallia sema’ x-xiehda ta’ diversi professjonisti kif ukoll foster carers sabiex wasal għal konklużjonijiet tiegħu. 

Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali jinnota illi r-rakkomandazzjonijiet li jsemmi l-Imħallef Mallia, kienu diġà qed jiġu kkunsidrati matul l-aħħar xhur hekk kif l-Att dwar il-Protezzjoni tat-Tfal li huma taħt ordni ta’ ħarsien qed ikun rivedut. 

Fl-istess rapport ta’ inkjesta l-Imħallef Mallia jsemmi illi l-liġi kif inhi ma ssemmix b’mod dirett li l-aħjar interess tat-tfal għandu jiġi l-ewwel u dan bil-kontra ta’ xi sentenzi tal-Qorti. Il-Ministeru jinnota li dan qed ikun rivedut hekk kif l-abbozz il-ġdid jgħid illi l-għan tal-Att huwa li f’kull mument għandu jkun imħares, protett u mgħoti prijorità l-aqwa interess tal-minuri. 

Fil-konklużjonijiet tiegħu l-Imħallef Mallia jsemmi il-permanent fostering u fil-fatt l-Att rivedut dwar il-protezzjoni tat-tfal, għall-ewwel darba fil-liġi tagħna, se jdaħħal il-kunċett tal-permanent fostering fejn mat-talba għat-teħid tal-minuri (care order) issa jrid jiġi preżentat pjan ta’ ħarsien li jieħu f’ konsiderazzjoni il-pjan ta’ permanenza. 

L-Imħallef Mallia jsemmi wkoll l-attitudni negattiva tal-Bord lejn il-foster carers. L-Att rivedut se jkun qed jipprovdi wkoll bidla fil-mod ta’ kif jinħatru l-membri ta’ dan il-Bord kif ukoll hemm elenku tal-funzjonijiet u s-setgħat tal-istess Bord. L-istess Att rivedut se jistipula wkoll illi kull deċiżjoni tista’ tiġi appellata quddiem il-Qorti tal-Appell. 

Dwar jekk il-foster carers għandhomx ikollhom aċċess għar-rapporti tas-social workers dwar il-minuri, l-Att rivedut jistipula illi dawn l-istess rapporti jistgħu jkunu aċċessibli għal terzi persuni bil-permess tal-Qorti. Dan ifisser li persuna interessata tista’ titlob lill-Qorti biex ikollha aċċess għal kull dokument li jkun relatat ma’ Ordni tal-Ħarsien. 

Filwaqt li qed jipproteġi l-identità tal-minuri u l-familji involuti billi jħalli kunfidenzjali x-xhieda sensittiva, il-Ministeru qed jippublika l-konsiderazzjonijiet u l-konklużjonijiet kollha tal-Imħallef Mallia fl-intier tagħhom.​


PR180285a.pdfPR180285a.pdf