STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TRASPORT, INFRASTRUTTURA U PROĠETTI KAPITALI: Jingħata bidu uffiċjali għat-tieni edizzjoni tal-‘Malta Maritime Summit’ li se jittella’ f’Ottubru 2018

Reference Number: PR180287, Press Release Issue Date: Feb 09, 2018
 

Il-Ministru Ian Borg ospita fil-Ministeru tiegħu konferenza tal-aħbarijiet fejn ta bidu uffiċjali għat-tieni edizzjoni tal-Malta Maritime Summit li se jittella’ f’Malta f’Ottubru ta’ din is-sena.

Il-Ministru Borg tkellem dwar l-avveniment li qed jiġi mniedi u qal li hu inizjattiva oħra li tkompli tikkonsolida l-għan tal-Gvern li jistabilixxi lil Malta bħala ċentru ta’ eċċellenza marittima. Saħaq li permezz tal-Ministeru u ta’ Transport Malta l-Gvern se jappoġġja dan is-summit b’mod sħiħ, liema summit iddeskrivieh bħala avveniment importanti li se jkompli jikkonferma lil pajjiżna bħala nazzjon marittimu mexxej.

Il-Ministru tkellem dwar is-saħħa tas-settur marittimu Malti u qal li Malta għandha l-aqwa potenzjal li tkun ċentru marittimu ta’ eċċellenza fil-Mediterran, kemm minħabba l-pożizzjoni ġeografika u l-portijiet naturali kif ukoll minħabba r-reġim legali u fiskali tal-pajjiż. Fakkar fiċ-ċertezza miżjuda li dan is-settur kiseb hekk kif il-Kummissjoni Ewropea approvat l-iskema Maltija tat-taxxa fuq it-tunellaġġ lejn l-aħħar tas-sena 2017; din l-approvazzjoni tat aktar vantaġġi fiskali u serħan tal-moħħ lis-sidien kollha li għandhom bastimenti reġistrati taħt il-Bandiera Maltija, filwaqt li mistennija tiġbed aktar investituri. Il-Ministru rrefera wkoll għall-Memorandum ta’ Ftehim iffirmat bejn Transport Malta u l-Malta Maritime Forum biex jissaħħaħ id-djalogu mal-industrija.

Il-Ministru Borg spjega l-kisbiet pożittivi li għamel is-settur marittimu. Fl-2017 ir-reġistru ra tkabbir ta’ aktar minn 8%, li jfisser li issa għandna ’l fuq minn 75.2 miljun tunellata grossa reġistrata, filwaqt li l-Bandiera rreġistrat żieda ta’ aktar minn 19.5% fis-super yachts. Il-Ministru qal li fuq medda ta’ ħames snin ġew irreġistrati ’l fuq minn 2,000 bastiment merkantili taħt l-istess bandiera.

Il-Ministru Ian Borg ikkonkluda billi awgura kull suċċess lill-organizzaturi sabiex ikollna summit li jqajjem mistoqsijiet importanti u diskussjonijiet produttivi filwaqt li jkompli jiġbed lejn Maritime Malta investituri importanti mill-industrija marittima internazzjonali.

John Gauci Maestre, l-organizzatur ta’ dan is-summit, spjega li l-edizzjoni li għaddiet kienet sostanzjalment formattiva għall-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea 2017. Iddeskriva l-industrija marittima bħala waħda li dejjem tevolvi u li għalhekk tirrekjedi ħafna konsultazzjoni u djalogu kontinwu. Is-Sur Gauci Maestre qal li s-summit ta’ din is-sena se jippreżenta opportunità unika għall-eżekuttivi marittimi importanti minn madwar id-dinja biex jiddiskutu u janalizzaw il-politika marittima tal-UE u l-impatt globali tagħha, filwaqt li tingħata importanza mistħoqqa lill-Valletta Declaration u l-kontribut tagħha lejn l-industrija. Iddeskriva lil Malta bħala parteċipant essenzjali fid-dinja marittima u qal li aktar ma jmur, aktar qed tikseb suċċessi.

It-tema ta’ dan is-summit, li se jittella’ mill-1 sal-5 ta’ Ottubru 2018 se tkun The Voice of the Industry, u se jiġu indirizzati bosta temi importanti bħal: loġistika, sigurtà, finanzi, diġitalizzazzjoni, sostenibbiltà u Brexit. Din is-sena s-summit se jiddedika wkoll ġurnata sħiħa għall-industrija tal-yachting u tat-turiżmu marittimu - tema ferm importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna.

 ​