STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ NAZZJONALI

Reference Number: PR180004, Press Release Issue Date: Jan 03, 2018
 
​​Il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali jikkundanna kull forma ta’ vjolenza domestika u jiddispjaċih jekk kummenti li ngħataw setgħu ġew mifhuma b’mod li jistgħu mqar remotament jiġġustifikaw dan l-aġir, u li ġew imdawra politikament mill-Oppożizzjoni. It-track record tal-Ministru Michael Farrugia jikkonferma dan kollu.

Il-Ministru Michael Farrugia kien il-ministru li fil-leġiżlatura li għaddiet ressaq fil-Parlament ir-ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul li tipprevjeni u tikkumbatti l-vjolenza domestika.

Barra minn hekk, meta kellu taħt ir-responsabbiltà tiegħu l-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Welfare Soċjali, wessa’ s-servizzi kemm għall-vittmi kif ukoll għall-aggressuri.

Kien taħt il-Ministru Michael Farrugia li għall-ewwel darba ntlaħaq ftehim aktar fis-sod u fit-tul mal-NGOs li jieħdu ħsieb nisa u tfal vittmi tal-vjolenza domestika.

Fl-aħħar xhur il-Ministru Michael Farrugia saħħaħ is-settur fi ħdan il-Korp tal-Pulizija kontra l-vjolenza domestika - settur li twaqqaf ftit tax-xhur ilu.

Dan kollu jxejjen it-tiġbid u t-tidwir maħruġa mill-Partit Nazzjonalista li b’xi mod il-Ministru Michael Farrugia jiġġustifika l-vjolenza domestika.

Għalhekk, il-Ministru Michael Farrugia, għal darba oħra, kif għamel matul il-karriera politika tiegħu, isostni li l-ebda forma ta’ vjolenza domestika ma għandha tkun aċċettabbli fl-ebda ċirkustanza.