STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT, ŻVILUPP SOSTENIBBLI U TIBDIL FIL-KLIMA

Reference Number: PR180005, Press Release Issue Date: Jan 03, 2018
 
​​Il-pożizzjoni li qed jieħu l-Gvern dwar l-iżvilupp tal-art mill-Università Amerikana ta’ Malta hija sensibbli, kemm mill-aspett ambjentali u dak edukattiv. Il-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima jtenni li l-pożizzjoni tal-Gvern hija li l-iżvilupp għal skop edukattiv fuq l-art li ngħaddiet lill-Università Amerikana ta’ Malta mill-Parlament ġewwa ż-Żonqor tibda biss meta l-proġett ġewwa baċir numru wieħed f’Bormla jilħaq il-kapaċità tiegħu u għalhekk jagħti lok għall-espansjoni, dan fit-termini u l-parametri li ġew approvati mill-Parlament ta’ Malta.  

Il-Ministru Herrera jsostni għalhekk illi l-art fiż-Żonqor mhux ser tintmiss għal skopijiet ta’ spekulazzjoni imma se tintuża biss għal skopijiet edukattivi meta u fil-mument li l-kapaċità tal-baċir numru wieħed tilħaq il-massimu tagħha. Din hija deciżjoni matura u responsabbli ta’ Gvern li sa mill-bidunett qal li l-proġett huwa wieħed edukattiv u li l-art se tintuża biss għal skopijiet edukattivi.

Huwa fakkar illi sabiex jiġu protetti l-inħawi ta’ madwar iż-Żonqor, illum imsejjħa Inwadar, kien dan il-Gvern permezz tal-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima illi ppubblika avviż legali sabiex spazju ta’ madwar kilometru kwadru jiġi meqjus bħala park naturali fejn ġew inkluża 30 tomna art illi qabel kienu fil-parametri tal-iżvilupp u li llum saru ODZ.

Huwa qal illi l-għan aħħari hu li dan il-park tal-Inwadar jibqa jinżamm fi stat pristin u naturali. Tul l-aħħar xhur sar xogħol estensiv ta’ tindif fejn tneħħew l fuq minn 420 tunnellata ta’ skart li kienu akkumulati tul għexieren ta’ snin, u saret ukoll l-installazzjoni ta’ sistema ta’ CCTV sabiex jitnaqqas b’mod estensiv l-abbuż illi kien isir f’dan is-sit. F’dan iż-żmien inkisbu l-permessi meħtiega sabiex jibda jsir tindif metodiku ġo siti storiċi li jinsabu f’dan il-park.

Il-Gvern huwa impenjat sabiex ikompli jaħdem ħalli s-sitwazzjoni f’dan il-park tkompli titjieb fejn, anke permezz tal-allokazzjoni ta’ €300,000 fil-budget għal din is-sena għall-park tal-Inwadar, kif ukoll permezz tal-ħidma tal-kumitat li jimmaniġġja dan il-park, ikomplu jiġu implimentati aktar inizjattivi. Fosthom insibu r-rijabilitazzjoni ta’ bini storiku fejn wieħed minn dawn is-siti se jintuża bħala visitors centre, titneħħa flora mhux indiġena li tinsab fil-park, u tiħawwel aktar flora endemika, jiġu rijabilitati trejqat u pajsaġġi li kienu eżistenti sa minn żmien il-kavallieri, kif ukoll isir mapping taż-żona kollha, ukoll permezz ta’ allokazzjoni ta’ fondi Ewropej, anke għal skop ta’ afforestazzjoni.