STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-BIEDJA, SAJD U DRITTIJIET TAL-ANNIMALI: Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali jiftaħ is-seminar ta’ taħriġ għas-sajjieda

Reference Number: PR180498, Press Release Issue Date: Mar 08, 2018
 

Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri fetaħ is-seminar għas-sajjieda mifrux fuq jumejn organizzat mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura. Dan is-seminar jifforma parti mill-proġett ta’ taħriġ għas-sajjieda, liema proġett ser ikun qiegħed jiġi kofinanzjat mill-fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd 2014-2020.

 

Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri qal li l-Gvern jemmen ħafna f’tagħlim tul il-ħajja u jifhem li l-edukazzjoni ma tiqafx meta wieħed iħalli l-bank tal-iskola. Għal dan il-għan, nofs miljun ewro ġew allokati għal dan is-seminar u għal korsijiet ta’ taħriġ li se jiġu pprovduti lis-sajjieda bħala parti minn dan il-proġett. Clint Camilleri saħaq fuq l-importanza ta’ proġetti bħal dawn għaliex it-tagħlim tul il-ħajja jgħin lill-individwu jiżviluppa fuq livell personali u jservi wkoll sabiex wieħed isaħħaħ l-impjegabbiltà tiegħu. Fil-fatt, b’sodisfazzjon hu ħabbar li għal dawn l-attivitajiet aktar minn 360 sajjied ser ikun qiegħed jattendi u jibbenefika minn sezzjonijiet ta’ taħriġ li ser ikunu qegħdin jitwasslu fil-ġimgħat li ġejjin.

 

Clint Camilleri qal li dan it-taħriġ se joffri l-opportunità lis-sajjieda preżenti sabiex isaħħu l-għarfien tagħhom f’oqsma varji, fosthom ir-regolamenti tas-sajd, liġijiet marittimi u l-użu tal-informazzjoni teknoloġika. Barra minn hekk, wieħed ser ikun qed jiġi infurmat kif għandu jipproteġi saħħtu u s-saħħa ta’ dawk abbord ta’ dgħajsa f’każ ta’ emerġenza.

 

Dan il-proġett jikkontribwixxi b’mod dirett fit-tisħiħ tal-operat tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura. Is-Segretarju Parlamentari qal li flimkien inkomplu naħdmu biex is-sajjied Malti jkompli jżomm ruħu aġġornat bl-aħħar informazzjoni u b’hekk inkomplu nsaħħu s-sostenibbiltà tas-settur, sabiex mis-settur tas-sajd ikun jistgħu jibbenefikaw minnu mhux biss il-ġenerazzjonijiet kurrenti, imma wkoll dawk futuri.

 

Clint Camilleri spjega kif grazzi għall-ħidma tal-Gvern Malti u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, il-qasam tas-sajd ħa spinta ’l quddiem permezz ta’ diversi proġetti li ġew imwettqa fil-passat, li fosthom jinkludu: it-tisbiħ tal-port fl-Imġarr, Għawdex, il-bini ta’ pixkerija ġdida fil-Marsa, titjib tal-konsum tal-ħut frisk permezz ta’ kampanja edukattiva u  titjib fil-portijiet awtorizzati tal-Marsa, San Pawl il-Baħar, Wied il-Għajn u Marsaxlokk. Huwa spjega kif is-segretarjat jaħdem b’mod kontinwu biex jassigura li l-interess primarju u s-sostenibbiltà tas-settur dejjem jiġu mħarsa.

 

Riċentement diversi skemi ġew imnedija mid-Diviżjoni għall-Fondi u l-Programmi sabiex is-sajjieda jiddiversifikaw is-sengħa tagħhom, kif ukoll biex jagħmlu investiment abbord id-dgħajsa tagħhom sabiex jixtru tagħmir aktar effiċjenti li jikkawża inqas tniġġis tal-ambjent.

 

Barra minn hekk, id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura bħalissa qiegħed jaħdem fuq diversi proġetti oħra, fosthom kampanja edukattiva sabiex jiżdied il-konsum tal-ħut li huwa meqjus sostenibbli, il-kostruzzjoni ta’ uffiċċju fejn jinħatt il-ħut ġewwa Marsaxlokk, investiment ġewwa l-faċilità ta’ San Luċjan, u diversi proġetti oħra li jsaħħu l-kontrolli meħtieġa sabiex wieħed jassigura l-futur sostenibbli ta’ dan is-settur. Dan l-investiment qed isir sabiex is-settur tas-sajd u l-akkwakultura jkun jista’ jaqdi u jirrispondi b’mod aktar effettiv għall-isfidi li jiltaqa’ magħhom is-sajjied.

 

Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri temm id-diskors tiegħu billi rringrazzja lil dawk kollha li bl-għajnuna tagħhom seta’ jsir dan is-seminar kif ukoll lin-numru kbir ta’ sajjieda li attendew għalih.​​​ 

​​