Il-Persuni li Qed Ifittxu Impjieg

 
Nixtieq insib xogħol. X’għandi nagħmel?

It-tranżizzjoni mill-iskola għad-dinja tax-xogħol tista’ tidher waħda diffiċli. Jista’ jkun li ma tkunx żgur/a x’tip ta’ impjieg tixtieq jew saħansitra x’ħiliet għandek, aħseb u ara kemm se tkun taf fejn għandek tfittex u għal liema opportunitajiet ta’ impjieg għandek tgħasses. Smajt li sħabek qed jieħdu esperjenza ta’ xogħol jew forsi anki marru barra minn Malta. Mela x’tista’ tagħmel biex il-karriera tiegħek tkun ta’ suċċess? Bi ftit riċerka u daqsxejn pariri minn persuni li jifhmu, taqbad triqtek malajr biex issib l-ewwel impjieg. Kompli aqra…


Minn fejn naqbad nibda?

Għadek kemm toħroġ mill-iskola jew mill-Università u qed tfittex impjieg… minn fejn taqbad tibda?

Jekk uħud minn sħabek diġà sabu impjieg jew telqu mill-iskola qablek u ilhom daqsxejn jaħdmu, jista’ jkun li ​tħoss sens ta’ esklużjoni u tiġi taħt pressjoni biex issib impjieg kemm jista’ jkun malajr.

Imma stenna ftit qabel taqbad u taċċetta l-ewwel impjieg li joffrulek, u tispiċċa tqatta’ s-sajf kollu jew saħansitra snin sħaħ tagħmel xi ħaġa li ma tkunx tgħodd għalik. Ieqaf u aħseb x’tixtieq tagħmel verament.

Jekk taqbad u taċċetta impjieg sempliċement biex taqla’ ftit tal-flus, dan jista’ jżommok milli ssib impjieg aħjar. Mela toqgħodx tinkwieta jekk tqatta’ xi żmien tara x’offerti ta’ impjieg hemm u tagħmel daqsxejn riċerka kif suppost. Dan żgur li ħin jew ieħor iwasslek fejn tixtieq. Minkejja dan, jekk verament ikollok bżonn il-flus, tibżax tidħol għal xi ħaġa ġdida - xorta mhux se tkun qed tagħmel dan ix-xogħol għal ħajtek kollha.

Hawn taħt hawn xi affarijiet li tajjeb iżżomm f’moħħok meta tkun qed tfittex impjieg:

   Ikkunsidra li tipprova tikseb l-esperjenza minn xogħol imħallas jew mhux għaliex din l-esperjenza tiswa biex issib impjieg aħjar fil-futur

   Ikkunsidra tiftaħx in-negozju tiegħek stess

   Saqsi lil ta’ madwarek biex tara jekk jafux b’xi opportunitajiet ta’ impjieg, billi dawk li jinxterdu bil-fomm xi kultant jagħtu l-aħjar riżultati

   Ħu parir – tkellem ma’ konsulent biex jiggwidak fl-għażla tal-karriera tiegħek, mal-ġenituri tiegħek jew ma’ persuni li għandhom iktar esperjenza

   Żomm il-kalma – ma waqgħetx id-dinja jekk tagħmel xi żmien bla xogħol. Uża l-ħin li matulu ma tkunx qed taħdem favurik – aqra, tgħallem xi ħaġa ġdida jew idħol għal xogħol volontarju.


X’benefiċċji hemm għalija?

Jekk lestejt mill-istudji tiegħek u beħsiebek tidħol fid-dinja tax-xogħol, tista’ tirreġistra għax-xogħol sakemm issib impjieg.

Meta tirreġistra għax-xogħol tkun qed tgħarraf lill-Gvern li inti qed tfittex impjieg b’mod attiv. Jekk qed tirreġistra, tista’ wkoll tkun eliġibbli għal allowance mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali (DSS) biex jgħinek tkampa finanzjarjament.

Kif tirreġistra mal-ETC tintbagħat applikazzjoni għall-Benefiċċju tal-Qgħad lid-DSS awtomatikament.

Jekk inti bla xogħol tista’ tkun eliġibbli għal wieħed minn tliet benefiċċji: il-Benefiċċju tal-Qgħad, l-Assistenza għall-Qgħad u l-Benefiċċji Speċjali tal-Qgħad.

L-ewwel darba jkollok tirreġistra bħala persuna qiegħda fl-uffiċċju tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ (ETC) il-Belt Valletta li jinsab 72, Valletta ACCESS, Triq Melita.

Ikklikkja
hawnhekk għal informazzjoni dettaljata dwar ir-reġistrar għax-xogħol.


Hemm nies li jistgħu jiggwidawni?

Hemm diversi uffiċini tal-ETC imsejħa “Job Centres” madwar Malta u Għawdex (dawn jinsabu l-Kottonera, Birkirkara, il-Mosta, il-Qawra, il-Belt Valletta, iż-Żejtun u r-Rabat, Għawdex).  Ikklikkja hawnhekk għal informazzjoni ta' kuntatt u  ħinijiet tal-ftuħ  ta dawn l-uffiċini.

Permezz ta’ dawn il-job centres tista’ ssir taf dwar is-servizzi differenti li l-Korporazzjoni tqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħek, tista’ tapplika għal korsijiet, tista’ ssir taf dwar l-iskemi ta’ esponiment, il-korsijiet tat-taħriġ, l-apprendistati, it-traineeships u l-programmi ta’ impjieg u taħriġ jew is-sussidji għalihom, tara hemmx xi offerti ta’ xogħol, tikseb rekord ipprintjat tal-impjiegi u r-reġistrar tiegħek u ħafna iktar. Dawn jistgħu jkunu l-ewwel punt ta’ kuntatt tiegħek biex issir taf iktar dwar kif l-ETC tista’ tgħinek.

Jekk tagħżel li tibda tirreġistra mal-Korporazzjoni bħala part 1 (jiġifieri tinsab bla xogħol u qed tfittex impjieg full-time), jiġi allokat konsulent biex jgħinek u biex tiddiskuti x’tip ta’ xogħol qed tfittex, x’inhuma l-ħiliet tiegħek u xi kwalifiki għandek, u fejn għandek tfittex l-impjiegi li l-iktar huma adattati għalik. Il-konsulent saħansitra jgħinek toħloq Pjan ta’ Azzjoni Personali (PAP), li jinkludi l-passi li għandek tagħmel meta tkun qed tipprepara għal karriera u tfittex impjieg.

Tista’ wkoll tmur fuq il-websajt tal-ETC biex tingħata għajnuna onlajn
www.etc.gov.mt, u hemm issib informazzjoni iktar dettaljata dwar is-servizzi. Tista’ wkoll toħloq il-profil tiegħek fuq l-internet u minnu tista’ toħloq u taġġorna s-CV, tfittex l-opportunitajiet ta’ xogħol, tapplika għal korsijiet, eċċ… L-ETC toffri wkoll is-sistema ta’ automailer li hija maħsuba biex tiffaċilita t-tiftix għall-impjieg u li tibgħatlek e-mail kuljum bil-lista tal-iktar vacancies reċenti.

Ikkuntattja uffiċjal tal-ETC billi tikklikkja
hawnhekk.


Jekk għandek bejn 16 u 24 sena…

… jew jekk inti ġenitur ta’ xi ħadd li għandu dik l-età… tista’ ssib informazzjoni speċjali għalik
hawnhekk!

Il-Programm Impjieg għaż-Żgħażagħ (Youth Employment Programme - YEP) huwa programm kofinanzjat taħt il-Fond Soċjali Ewropew. Fost il-ħafna servizzi tiegħu, huwa jipprovdi websajt li tieħu pjaċir tużaha, fejn tista’ faċilment tfittex l-iktar vacancies reċenti, issir taf dwar workshops speċjali, sessjonijiet ta’ informazzjoni u diskussjonijiet, tingħata pariri dwar kif għandek tfittex impjieg u kif għandek tapplika għalih u tipprepara għall-interviews, kif ukoll tniżżel fuljetti b’pariri. Barra minn hekk, tista’ tiċċettja onlajn ma’ rappreżentant biex tingħata għajnuna fit-tfittxija tiegħek għall-impjieg, għajnuna dwar is-CV, dwar il-karriera tiegħek u biex tikseb l-esperjenza jew tieħu taħriġ addizzjonali u ħafna iktar.

Permezz tal-websajt tista’ tapplika wkoll għal appuntament ma’ professjonista biex jiggwidak fl-għażla tal-karriera tiegħek, ma’ terapista okkupazzjonali jew jekk ikun meħtieġ anki ma’ psikologu. Dawn is-servizzi kollha jiġu offruti mingħajr ħlas.

Għall-ġenituri – hemm dwar kif tista’ tgħin lil uliedek jagħmlu għażliet relatati mal-karriera u t-tagħlim.


Kif nista’ ntejjeb il-ħiliet tiegħi?

Sakemm issib impjieg li jogħġbok, jew jekk taf x’impjieg tixtieq, tkun idea tajba li tinvesti fit-taħriġ u b’hekk iktar tiġbed l-attenzjoni tal-impjegaturi.

Fl-era tal-kompjuters u l-Internet, bl-ammont enormi ta’ informazzjoni li nsibu fuqu, tkun idea tajba li taġġorna u ttejjeb il-ħiliet tiegħek fl-IT pereżempju b’kors tal-ECDL jew forsi tal-web design.

Iċ-Ċentru tax-Xogħol u tat-Taħriġ joffri numru ta’
programmi ta’ taħriġ fil-kitba u l-qari bil-Malti u l-Ingliż, programmi ta’ maniġment, tisjir u ġestjoni tal-ikel, u anki front office management.

Tista’ wkoll tirreġistra għal
apprendistati jekk tixtieq taqbad ċerti karrieri bħal ngħidu aħna sprejer, tekniku tal-ajruplani, programmer tal-kompjuters jew tekniku tal-karozzi. L-Iskema ta’ Taħriġ ta’ Ħiliet Estiżi (Extended Skills Training Scheme - ESTS) toffri liż-żgħażagħ l-opportunità li jiksbu ħiliet fil-livell ta’ sengħa, jiġifieri li wara t-taħriġ li tingħata tista’ tipprattika xi sengħa bħal dik ta’ commis chef, sbuħija, tqegħid ta’ madum, plumbing, tikħil, elettriku u oħrajn.

Tista’ wkoll tingħata taħriġ fuq il-post tax-xogħol u barra l-post tax-xogħol permezz ta’ traineeships organizzati flimkien ma’ diversi kumpaniji f’Malta u Għawdex. Għal iktar informazzjoni kklikkja
hawnhekk.

Alternattiva oħra hija li tikseb esperjenza fl-impjieg li jinteressak jew f’xi impjieg li tkun tixtieq tipprova. Tista’ tagħmel dan permezz tal-
Iskemi ta’ Esponiment għax-Xogħol (Work Exposure Schemes). Dawn l-iskemi huma wkoll ta’ għajnuna biex ittejjeb il-possibilitajiet tiegħek li ssib impjieg, billi ħafna drabi l-impjegaturi jsibuha bi tqilha biex jimpjegaw persuni mingħajr esperjenza.

Is-sistema tal-iskemi hija din: Taħdem ma’ impjegatur għal numru ta’ ġimgħat biex tikseb esperjenza bażika.

Hemm żewġ Skemi ta’ Esponiment għax-Xogħol:

  1. L-Iskema tal-Prova tax-Xogħol (Work Trial Scheme) – Taħdem għal mhux iktar minn tnax‑il ġimgħa ma’ impjegatur reali biex tikseb l-esperjenza, biċ-ċans li jekk togħġbu jista’ wkoll joffrilek impjieg.

  2. L-Iskema “Innaqqsu d-Differenzi” (Bridging The Gap Scheme) – Jekk tinsab f’pożizzjoni żvantaġġata, tista’ tapplika għal din l-iskema u tingħata konsulenza u pariri, u jkollok ukoll l-opportunità li tesperjenza x-xogħol direttament permezz ta’ placement. Permezz ta’ dan jista’ jkun li ssib impjieg mal-kumpanija li tkun qed taħdem magħha jew forsi xi mkien ieħor.

 

 
Nista’ naħdem barra minn Malta?

Dażgur li tista’!

Minn meta Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea fl-2004 sar ħafna iżjed faċli biex iċ-ċittadini Maltin jaħdmu fejn iridu fl-Ewropa.

Meta taħdem barra minn Malta jkollok opportunità eċċellenti biex tara postijiet ġodda u eċċitanti, tiltaqa’ ma nies ġodda u tesperjenza l-ħajja barra minn Malta.

Minħabba li l-fatt li tmur tgħix f’pajjiż ġdid jista’ jkun xi ftit stressanti, twaqqfet unità speċjali biex tgħinek fil-passi kollha meħtieġa biex taħdem barra minn Malta.

L-unità jisimha Servizzi Ewropej tal-Impjiegi u tissejjaħ EURES. Tista’ tikklikkja
hawnhekk biex issir taf iżjed dwarha, kif ukoll iżżur l-uffiċini tal-ETC għall-EURES biex titkellem ma’ konsulenti kkwalifikati tal-EURES.


Bħala persuna barranija - nista’ naħdem Malta?

Ċittadini mill-pajjiżi tal-UE (minbarra l-Bulgarija u r-Rumanija), u mill-pajjiżi l-oħra taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u mill-Isvizzera m’għandhomx bżonn japplikaw għal liċenzja ta’ impjieg biex jaħdmu f’Malta. Jekk tgħix f’pajjiżi oħra barra dawk imsemmija jeħtieġlek li meta ssib impjieg u qabel ma tibda taħdem, inti jew l-impjegatur tridu tapplikaw mal-ETC għal Liċenzja ta’ Impjieg.

Żomm f’moħħok li l-affarijiet jafu ma jkunux daqshekk faċli daqskemm taħseb minħabba ostakli kkawżati mil-lingwa u saħansitra kulturi differenti. Iżda toqgħodx tinkwieta, is-
Servizzi Ewropej tal-Impjiegi (EURES) se jipprovdulek l-informazzjoni kollha u jagħtuk il-pariri kollha li għandek bżonn biex taħdem Malta. Huma għandhom konsulenti kkwalifikati li jgħinuk b’dak kollu li għandek bżonn tkun taf dwar diversi aspetti fosthom l-akkomodazzjoni, it-trasport, il-kultura u l-istil ta’ ħajja f’Malta b’mod ġenerali.


Il-Persuni li Jinsabu f’Sitwazzjonijiet Żvantaġġati

Jekk ilek maqtugħ mid-dinja tax-xogħol għal iktar minn ħames snin, għandek diżabilità fiżika jew intellettwali jew marda mentali, kont tabbuża mid-drogi jew jekk għamilt xi żmien fil-faċilità korrettiva ta’ Kordin, nafu li għalik hija ħafna iktar diffiċli biex issib impjieg.

Dan huwa għaliex l-ETC toffri wkoll
servizzi appoġġjati ta’ impjieg, bħall-assistenza ta’ konsulent dwar l-impjieg, valutazzjoni minn terapista okkupazzjonali biex jiġu identifikati l-kapaċitajiet tal-persuna, gwida fit-tfittxija ta’ impjieg u skema speċifika ta’ esponiment għax-xogħol. Hija torganizza wkoll korsijiet ta’ taħriġ mfassla apposta biex jaqdu l-ħtiġijiet tiegħek, u toffri assistenza ta’ appoġġ fit-tagħlim u trasport speċjalizzat jekk dan ikun meħtieġ.

Barra minn hekk, il-klijenti b’diżabilità intellettwali u dawk li jbatu minn mard mentali jistgħu wkoll jibbenefikaw minn taħriġ speċjalizzat permezz ta’ ftehimiet kooperattivi li l-ETC għandha kemm mal-Fondazzjoni Inspire kif ukoll mal-Fondazzjoni Richmond. L-assistenza ta’ appoġġ fit-tagħlim u t-trasport speċjalizzat jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-klijenti kif ikun meħtieġ matul it-taħriġ.

Permezz tal-ftehim ta’ kooperazzjoni li l-ETC għandha mal-Caritas (Malta), il-persuni li kienu jabbużaw mid-drogi jistgħu jipparteċipaw fi programm speċjalizzat li joffri kemm opportunitajiet ta’ taħriġ kif ukoll ta’ esponiment għax-xogħol.


Saħansitra titħallas waqt li tkun qed titħarreġ…

Jekk għandek paga minima (jiġifieri taqla’ inqas minn €160 fil-ġimgħa) u tattendi
kors ta’ taħriġ l-ETC, inti tirċievi allowance ta’ €25 fil-ġimgħa biex jgħinuk fl-ispejjeż waqt li ttejjeb il-ħiliet tiegħek u żżid il-possibilitajiet li ssib impjieg imħallas aħjar. Tista’ tagħżel minn ’il fuq minn 100 kors ta’ taħriġ differenti f’oqsma bħal-lingwi, is-snajja’, it-teknoloġija tal-informazzjoni, l-elettronika, l-inġinerija, ix-xjenza tal-mekkanika, ix-xogħol klerikali u l-maniġment. Dawn il-korsijiet huma kollha kompletament bla ħlas.


Jekk għandek it-tfal…

Tista’ tirċievi €1.50 għal kull tifel jew tifla għal kull siegħa taħriġ biex tkopri s-servizzi tal-kura tat-tfal permezz tal-
Iskema ta’ Sussidju tal-Kura tat-Tfal (Childcare Subsidy Scheme) tal-ETC. B’dan il-mod, tista’ tiddedika ftit ħin biex titjieb u biex titgħallem, u b’hekk ikollok l-opportunità ta’ impjieg aħjar b’paga aħjar.


Għandi idea tajba ħafna għal negozju…

Mela iftaħ in-negozju tiegħek!

Jekk tixtieq tiftaħ in-negozju tiegħek tista’ tirreġistra ma’
INT (Ibda Negozju Tiegħek). INT huwa programm ta’ intraprenditorija li jipprovdi taħriġ, pariri u konsulenza dwar kif għandek tiftaħ negozju u kif tirnexxi fl-impriża tiegħek. Tista’ tikkwalifika għal għotja sa €5,000 jekk tattendi għal mill-inqas 80% tal-moduli tat-taħriġ. 


Naf li jien kapaċi… sempliċement m’għandix ċertifikat

Jekk għandek ħiliet, għarfien jew kompetenza f’xi xogħol partikolari, iżda m’għandekx il-kwalifiki formali x’turi, inti tista’ tirrikorri għas-Sistema ta’ Ttestjar tas-Sengħa sabiex tikseb Ċertifikat ta’ Kompetenza.


Is-Sistema ta’ Ttestjar tas-Sengħa tinqasam kif ġej:

   Intervista
   Test tat-Teorija
   Test tal-Prattika
   Logbooks (jekk tagħmel it-test tas-sengħa wara li tkun segwejt skema ta’ apprendistat jew traineeship)

U tiġi offruta fuq tliet livelli:

   Il-livell operattiv
   Il-livell ta’ ħila fis-sengħa
   Il-livell tekniku

Kapaċi toħloq ġojjelli, kapaċi fl-ICT, fit-tqegħid tal-madum? Huma x’inhuma l-ħiliet tiegħek, iċċekkja mal-lista twila ta’ xogħlijiet biex tara jekk tistax tapplika għas-Sistema ta’ Ttestjar tas-Sengħa billi tikklikkja
hawnhekk.


Għin lill-komunità

Jekk m’intix qed taħdem tista’ tkun idea tajba li tuża l-ħin tiegħek biex tagħti daqqa t’id fil-komunità. Tkun qed tgħin lill-ħaddieħor u anki żżomm ruħek okkupat/a. Ix-xogħol volontarju jista’ jkun opportunità għal esperjenza ġdida ta’ xogħol u jista’ jgħinek issib impjieg ġdid. Jista’ jagħti l-każ li tagħmel kuntatti ġodda u b’hekk tasal biex issib impjieg.

Hemm ħafna nies f’Malta li jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna tiegħek, mela kkunsidra li tagħmel xogħol volontarju fl-istituti u fil-crèches, mal-YMCA, mal-fondazzjonijiet tal-kanċer, mal-gruppi taż-żgħażagħ u ma’ NGOs oħra.​​​​​​​​​​​