Iż-Żgħażagħ

​Teenagers

Jekk l-età tiegħek hija minn madwar 13 sa xi ftit snin aktar minn 20 sena u tgħix Malta jew Għawdex, din il-websajt hija maħsuba proprju għalik.

Inti tinsab fi stadju eċċitanti ta’ ħajtek. Quddiemek għandek firxa kbira ta’ opportunitajiet u aħna nixtiequ ngħinuk tisfrutta dawk l-aktar xierqa għalik.

Dan is-sit jgħinek titgħallem iktar dwar dawn l-opportunitajiet u jipprovdilek informazzjoni utli dwar il-komunità, l-edukazzjoni, l-impjiegi u t-taħriġ, l-Ewropa, il-familja, ir-relazzjonijiet personali, is-saħħa, id-djar, il-ġustizzja, il-flus, l-isport, il-ħin liberu, l-ivvjaġġar u t-trasport f’Malta.

Aħna qegħdin hawn biex ngħinuk. Jekk ikollok bżonn xi parir, ikkuntattjana billi tibgħat e-mail fuq 
info.youthmalta@gov.mt.  


Il-familja

Hi x’inhi l-età tiegħek, il-familja hija parti essenzjali mill-ħajja ta’ persuna.

Għalkemm huwa normali li xi kultant ikollok sentimenti negattivi lejn il-familja tiegħek, speċjalment meta tkun qed tikber u ssir iktar indipendenti, il-familja hija l-pilastru li toffrilek appoġġ u tiggwidak fil-mumenti fejn l-aktar ikollok bżonn. Il-membri tal-familji huma dawk li ssibhom dejjem miegħek jiġri x’jiġri.

Għalkemm ikun hemm żminijiet sbieħ u oħrajn inqas sbieħ, qatt tinsa li l-familja tiegħek hija dik li rabbietek u li tixtieqlek il-ġid. F’dan l-istadju ta’ ħajtek, hekk kif tibda tgawdi l-indipendenza tiegħek, ftakar li tista’ tkun iebsa għall-persuni li jħobbuk biex jifhmu li issa m’għadx għandek bżonnhom daqs qabel għax qed tikber.

Għaldaqstant, bħala apprezzament tal-appoġġ tagħhom, ipprova qatta’ ftit ħin magħhom. Tista’ pereżempju żżur xi qraba anzjani, toħroġ ma’ aħwa jew kuġini, jew sempliċement tagħti daqqa t’id waqt xi ikla tal-familja. X’aktarx li tippreferi toħroġ ma’ sħabek, iżda bil-mod titgħallem tapprezza li l-ħin mal-familja xorta jista’ jkun pjaċevoli u sodisfaċenti. 

Ovvjament il-familji jgħaddu minn ħafna esperjenzi. Forsi l-ġenituri tiegħek iddeċidew li jisseparaw jew jiddivorzjaw, jew forsi dan l-aħħar tlift lil xi ħadd għażiż fil-familja tiegħek. Dan huwa ż-żmien meta l-aktar ikollok bżonn il-familja tiegħek, għaliex din tista’ tgħinek u tfarrġek fi żmien hekk diffiċli, u inti tista’ tagħmel l-istess lejha. Jekk tħoss li l-fatt li titkellmu dwar problema jista’ jkun ta’ benefiċċju għalik jew għall-familja tiegħek, nissuġġerulek taqra iktar dwar is-Servizzi tat-Terapija tal-Familja
hawnhekk.

Sfortunatament, madankollu, mhux iż-żgħażagħ kollha jkollhom ambjent familjari sikur u affidabbli f’dan iż-żmien hekk kruċjali ta’ ħajjithom. Jekk tħoss li qed ikollok trattament ħażin, jew taf lil xi ħadd li qed jiġi abbużat, tista’ tfittex l-għajnuna
hawnhekk, jew iċċempel in-numru tal-appoġġ 179. Idħol hawnhekk għal aktar pariri utli.


Ir-Relazzjonijiet u s-Saħħa Sesswali

Fi żmien l-adolexxenza u ż-żgħożija, huwa normali li tibda tħoss sentimenti qawwija għal persuna oħra u li jkollok relazzjoni. Kemm jekk din tkun relazzjoni fit-tul jew tkun xi ħaġa għal ftit żmien biss, se jkollok ħafna fuqiex taħseb u se jkun hemm ħafna affarijiet li se tkun ħerqan/a għalihom… Wara kollox, jista’ jkun li dan ikun il-bidu ta’ relazzjoni verament speċjali.  

L-importanti huwa li tagħmel biss dak li tħossok li hu komdu għalik. M’għandekx tħossok taħt pressjoni biex tagħmel xi ħaġa għax il-boyfriend jew il-girlfriend tiegħek jgħidu li għandek tagħmilha, la fl-aspett sesswali u lanqas f’aspetti oħra. Ftakar li ħadd m’għandu jkun sfurzat ikollu relazzjoni sesswali jekk ma jkunx jixtieq jew ma jħossux lest għal dan il-pass. Ħu l-affarijiet bil-mod u jekk tħoss il-bżonn itlob pariri mingħand ħbieb, familjari jew persuni li tafda. Jekk tħoss inċertezza dwar jekk ħaġa hix tajba jew le, tkellimha ma’ xi ħadd li tista’ tiftaħ qalbek miegħu.

Jekk tiddeċiedi li jkollok relazzjoni sesswali, ħu deċiżjonijiet għaqlija għalik u għall-partner tiegħek. Il-liġi tgħid li għandu jkollok 18‑il sena jew iktar biex ikollok x’taqsam sesswalment ma’ xi ħadd, u dan jgħodd għal kull tip ta’ sesswalità. Barra minn hekk, ara li tieħu l-prekawzjonijiet kollha kemm minħabba mard trażmess sesswalment (STD) u kemm minħabba l-possibbiltà ta’ xi tqala mhux ippjanata. Kellem lit-tabib tiegħek dwar l-aħjar kontraċezzjoni għalik, peress li hemm diversi għażliet fosthom il-kondom, il-pillola kontraċettiva jew trattamenti ormonali oħra.

Ftakar li dejjem tista’ tkellem lit-tabib tiegħek b’mod kunfidenzjali u tingħata parir dwar il-pass li għandek tieħu. Tista’ wkoll tmur fil-
Klinika Ġenito-Urinarja. Hemmhekk ikunu jistgħu jiggwidawk u jagħtuk pariri imparzjali u bla ħlas jekk taħseb li għandek xi mard tat-tip STD. Ikklikkja hawnhekk għal iktar informazzjoni dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva f’Malta.


L-Impjieg u l-Flus

Huwa naturali li ħin jew ieħor se tibda tfittex impjieg. Jista’ jkun tixtieq tfaddal biex tivvjaġġa jew tixtri dar, jew tixtieq tħaddem il-ħiliet tiegħek. Hi x’inhi l-motivazzjoni oriġinali, l-ewwel pass huwa li ssib impjieg li jgħodd għalik.

Jista’ jkun li ssibha diffiċli ssib l-impjieg adattat għalik, iżda tajjeb tkun taf li hemm ħafna għajnuna tistenniek. Fil-fatt, tista’ ssib dak kollu li għandek bżonn
hawnhekk, fil-websajt tal-ETC li nħolqot apposta biex tagħti informazzjoni liż-żgħażagħ dwar workshops u servizzi ta’ għajnuna biex jagħżlu karriera, u li tinkludi wkoll lista ta’ postijiet tax-xogħol vakanti disponibbli. Iktar informazzjoni dwar kif issib impjieg tista’ ssibha wkoll hawnhekk​ .

M’għandniex xi ngħidu, waħda mir-raġunijiet ewlenin li għaliha l-biċċa l-kbira minna jaspiraw li jaħdmu – minbarra għas-sodisfazzjon personali – hija l-flus. Hekk kif issir iktar indipendenti u tibda taqla’ iktar flus, iktar tibda tapprezza l-fatt li x-xogħol jippermettilek tagħmel l-aktar affarijiet li jagħtuk gost u sodisfazzjoni, bħax-shopping, is-safar, il-parteċipazzjoni f’avvenimenti kulturali jew l-iżvolġiment ta’ delizzji oħra.

Il-ġestjoni tal-flus tista’ tkun sfida fiha nnifisha, għaliex trid tipprova ssib bilanċ bejn l-affarijiet li tixtieq u dawk li għandek bżonn, u tara wkoll kemm trid tfaddal. Il-banek joffru servizzi ta’ konsulenti li jistgħu jinfurmawk dwar il-kontijiet l-aktar addattati għalik, kif ukoll dwar l-iskemi li joffri l-bank jekk tkun tixtieq tieħu self biex tixtri dar, karozza, kompjuter jew kwalunkwe ħaġa oħra. Huma jgħidulek ukoll kif għandek tfaddal għall-futur, u tista’ tiddiskuti xi għażliet marbuta ma’ skemi tal-irtirar.

Huwa importanti li tevita li tidħol f’ħafna dejn (li jakkumula kull darba li ma tħallasx lura s-self jew il-bilanċ fuq il-karta tal-kreditu fil-ħin). Għalhekk tajjeb li tifhem sew u żżomm kont ta’ kemm tkun qed toħroġ u ddaħħal flus fix-xahar.
Hawnhekk tista’ ssib ukoll iktar informazzjoni dwar il-ħlas tat-taxxa u l-bolla (N.I.), u hawnhekk issib informazzjoni dwar l-eliġibilità tiegħek għal benefiċċji tal-gvern. Ikklikkja hawn għal informazzjoni ġenerali.


L-Edukazzjoni

Ilkoll nafu li l-edukazzjoni hija importanti. Sew jekk lestejt l-iskola sekondarja, sew jekk qed tistudja għall-A Levels, u sew jekk qed tirċievi edukazzjoni terzjarja fl-Università jew f’xi kulleġġ, dak kollu li tagħmel illum se ssibu ta’ ġid iktar ’il quddiem.

Naturalment m’aħniex ngħidu li din hija xi ħaġa faċli, u ż-żmien tal-istudju  jista’ jwassal għal ħafna stress. Problema komuni tal-adolexxenti u ż-żgħażagħ f’dan iż-żmien hija li jippruvaw ilaħħqu mal-eżamijiet u mal-iskadenzi li jkollhom, iżda huwa importanti li inti tistabbilixxi l-miri tiegħek, tiddedika biżżejjed ħin biex tagħmel ix-xogħol assenjat lilek, u  titlob l-għajnuna kull meta jkollok bżonn. Jekk tħoss li m’intix tlaħħaq, tista’ tirrikorri għall-pariri ta’ konsulent fl-iskola jew il-kulleġġ tiegħek.

Agħmel l-almu tiegħek biex ma taqtax qalbek u tieqaf. Illum, li jkollok il-ħiliet meħtieġa huwa importanti iktar minn qatt qabel, peress li s-suq tax-xogħol qed isir dejjem iktar kompetittiv. Il-ħiliet u l-kwalifiki jistgħu jgħinuk tispikka f’intervista għall-impjieg minn fost kandidati oħra li jkunu qed ifittxu l-istess xogħol, hu liema hu s-settur li tixtieq taħdem fih.

Hemm ukoll ħafna modi kif tkompli tavvanza fl-edukazzjoni tiegħek, fosthom korsijiet addizzjonali u workshops. Tista’ ssib lista ta’ dawn
hawnhekk.



L-Isport, il-Ħin Liberu u d-Divertiment

Huwa minnu li l-gżejjer Maltin huma żgħar – iżda jkun hawn ħafna attivitajiet għaddejjin!

Meta ma tkunx l-iskola jew ix-xogħol, tista’ tuża l-ħin liberu tiegħek biex tipprattika xi delizzju u tiddeverti ruħek billi tipprattika xi sport li tħobb, tattendi xi kors jew sempliċement tiddeverti ma’ sħabek.

Li tipprattika sport huwa mod eċċellenti biex tibqa’ f’saħħtek, u hemm numru kbir ta’ klabbs li joffru diversi tipi ta’ sports f’Malta. Ikklikkja
hawn għal lista tal-isports prattikati f’Malta. Tista’ ssib iktar informazzjoni dwar kif tista’ tingħaqad ma’ xi klabb hawnhekk.

Il-ħin liberu mhuwiex limitat għall-isport biss. Jista’ jkun li tippreferi delizzji oħra, bħall-
arti u l-kultura, it-tisjir, l-abseiling jew attivitajiet fil-beraħ, jew forsi tħobb tikkollezzjona xi ħaġa. Il-biċċa l-kbira tad-delizzji għandhom klabb jew assoċjazzjoni ddedikati għalihom. Fittex fuq l-internet jew fuq Facebook dwarhom.

Hemm ukoll diversi modi kif inti u sħabek tiddevertu f’Malta. Tistgħu tmorru ċ-ċinema, il-bowling jew xi mixja fil-kampanja, jew inkella tistgħu tmorru kamping,  tqattgħu xi ġurnata l-baħar, u ma ninsewx id-diskoteki.  


Is-Saħħa

Saħħtek hija importanti immens. Anki ta’ età żgħira, għandek tagħmel l-almu tiegħek biex tħares saħħtek, tiekol ikel bnin u tagħmel check-ups regolari. Kemm jista’ jkun evita li tidħol f’sitwazzjonijiet ta’ periklu għall-ħajja.

Naturalment, iż-żgħażagħ ikollhom ukoll il-problemi tagħhom ta’ saħħa. Minbarra l-problemi ġenerali, jista’ jkollhom mard relatat mal-ikel jew is-saħħa sesswali, jew ikunu sfaw vittma ta’ xi vizzju.
Hawnhekk issib iktar informazzjoni dwar dawn il-problemi kollha, kif ukoll informazzjoni oħra dwar, pereżempju, kif issir donatur tad-demm jew tal-organi f’Malta, l-ewwel għajnuna, dieta tajba għas-saħħa u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.


Id-Djar

Is-snin li ġejjin jistgħu jġibu magħhom bidliet sostanzjali fil-mod kif tgħix u speċjalment fejn tgħix.

Bħalissa x’aktarx li qed tgħix mal-familja tiegħek, iżda forsi qed tikkunsidra li tmur tgħix għal rasek, jew jista’ jkun li tinsab fil-kera u qed taħseb biex tixtri dar.

Hi x’inhi s-sitwazzjoni tiegħek, hemm diversi affarijiet li għandek tikkunsidra.
Hawnhekk tista’ ssib informazzjoni dwar l-Awtorità tad-Djar, ix-xiri u l-bejgħ tal-proprjetà, l-iskemi u l-għajnuna disponibbli għall-persuni li se jixtru proprjetà għall-ewwel darba f’Malta, il-kiri, u s-self għax-xiri ta’ dar. Hawnhekk issib informazzjoni speċifika dwar l-iskemi disponibbli għall-persuni li jkunu se jixtru proprjetà għall-ewwel darba.

Jekk sfortunatament spiċċajt mingħajr saqaf fuq rasek f’Malta, tista’ tkun eliġibbli għal għajnuna għall-akkomodazzjoni, ipprovduta mill-Awtorità tad-Djar, u tista’ wkoll tfittex l-għajnuna tal-YMCA fil-Belt Valletta. Ikklikkja
hawn għal aktar informazzjoni.


It-Trasport

Għandek jew m’għandekx karozza, f’Malta huwa pjuttost faċli tmur minn post għal ieħor.

Jekk beħsiebek tuża t-trasport pubbliku, tajjeb li tiffamiljarizza ruħek mar-rotot tal-karozzi tal-linja biex tara fejn hu l-eqreb stejġ għalik. Fis-
sit elettroniku tat-Trasport Pubbliku ssib l-informazzjoni kollha li għandek bżonn dwar it-trasport pubbliku, inkluż dwar il-biljetti, in-nolijiet, ir-rotot u l-iskeda tal-ħinijiet. Jekk beħsiebek tivvjaġġa bejn Malta u Għawdex, tista’ ssib l-informazzjoni dwar il-ħinijiet tal-vapur t’Għawdex hawnhekk.

Jekk qed tikkunsidra li tixtri karozza u tibda ssuq, l-ewwel trid tagħmel hu li ġġib il-liċenzja tas-sewqan! Tista’ ssib l-informazzjoni kollha li għandek bżonn
hawnhekk u hawnhekk​ , inkluża lista ta’ skejjel tas-sewqan u pariri dwar x’għandek tagħmel qabel ma tkun tista’ titla’ għat-test tas-sewqan f’Malta.

Ladarba jkollok il-liċenzja tas-sewqan u karozza, hemm affarijiet oħra li trid taħseb għalihom, bħall-ħlas tal-liċenzja tal-vettura, l-assigurazzjoni u t-test tal-VRT. Tista’ ssib informazzjoni dwar dan kollu
hawnhekk.


Il-Komunità  

Bħala żagħżugħ/a, waħda mill-aktar affarijiet ta’ sodisfazzjon li tista’ tagħmel huwa li tinvolvi ruħek fil-komunità. Minbarra li tagħti kontribut lis-soċjetà, tkun qed tagħmel ukoll ħbieb ġodda u tikseb esperjenzi eċċitanti li jgħinuk ukoll ittejjeb aspetti oħra f’ħajtek.

Hemm diversi klabbs jew assoċjazzjonijiet fil-komunità li tista’ tissieħeb fihom, bħal klabbs politiċi, gruppi għaż-żgħażagħ fil-parroċċa, organizzazzjonijiet reliġjużi, il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, każini tal-banda, il-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ, organizzazzjonijiet tal-istudenti kif ukoll sezzjonijiet taż-żgħażagħ fi ħdan it-trejdjunjins jew il-kunsilli lokali.
Hawnhekk tista’ ssib lista sħiħa ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet flimkien ma’ iktar informazzjoni dwarhom.

Tista’ wkoll tagħmel xogħol volontarju f’xi organizzazzjoni għal qalbek. Hemm diversi organizzazzjonijiet volontarji li regolarment ikollhom bżonn l-għajnuna, kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta. Min-naħa l-oħra, jista’ jkun li hemm xi ħaġa tant għal qalbek u li temmen fiha li tiddeċiedi li twaqqaf l-NGO tiegħek biex tiġbor il-fondi speċifikament għaliha u tqajjem għarfien dwarha. Tagħżel x’tagħżel, tista’ ssib l-informazzjoni kollha li għandek bżonn
hawnhekk

Nixtiequ nisimgħu mingħandek dwar kif iddeċidejt li tinvolvi ruħek fil-komunità. Għalhekk, nistednuk tikkuntattjana u tgħidilna dwar attivitajiet u avvenimenti reċenti li involvejt ruħek fihom, u taqsam magħna l-ideat tiegħek dwar kif kif nistgħu ntejbu l-affarijiet fil-komunità. Nixtiequ ħafna nisimgħu mingħandek. Mela ibagħtilna e-mail fuq 
info.youthmalta@gov.mt u nikkuntattjawk lura aħna!

 
 
 
​​​​​​​​​​