Is-Sewqan f’Malta – Mistoqsijiet Komuni Oħra

​Driving in Malta
Is-Sewqan f’Malta – Mistoqsijiet Komuni Oħra

Persuna b’diżabilità tista’ ssuq?

Iva, għalkemm jiddependi min-natura u mil-livell ta’ diżabilità. Jistgħu jsiru modifikazzjonijiet speċjali fil-vettura tiegħek. Fil-fatt, il-Ministeru tal-Finanzi jipprovdi għajnuna lill-persuni b’diżabilità li jixtiequ jsuqu l-vettura tagħhom. Minbarra li hemm instructors imħarrġa, jeżistu wkoll skejjel tas-sewqan li għandhom vetturi ssettjati apposta biex jilqgħu għall-bżonnijiet speċjali ta’ sewwieqa li jkollhom xi diżabilità. Aqra
dan l-artiklu biex tikseb aktar informazzjoni dwar dan.


Kif iġġeddidha l-Liċenzja tas-Sewqan?

Tista’ ġġedded il-Liċenzja tas-Sewqan billi timla l-Formola tat-Tiġdid tal-Liċenzja u tibgħatha fl-envelop  ipprovdut bil-pustaġġ imħallas lill-Unità tal-Liċenzji għas-Sewwieqa u l-Vetturi fil-Furjana. Tista’ wkoll timla l-formola
onlajn. Ikklikkja hawn għal aktar informazzjoni dwar kif iġġedded il-liċenzja onlajn.


Kif nista’ nġib Liċenzja tas-Sewqan Internazzjonali?

Jekk għandek liċenzja tas-sewqan maħruġa f’Malta jew f’xi Stat Membru ieħor tal-UE, tista’ ssuq fil-pajjiżi kollha tal-UE, sakemm din il-liċenzja tkun valida u sakemm issuq biss dik il-kategorija tas-sewqan li inti awtorizzat/a ssuq.

Madankollu, jekk tixtieq issuq f’xi pajjiż li mhuwiex fl-UE iżda huwa firmatarju tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar it-Traffiku, huwa rakkomandat li tikseb Permess Internazzjonali għas-Sewqan. Dan il-permess huwa validu għal perjodu ta’ sena (1) mid-data ta’ meta jinħareġ. Biex tikseb din il-liċenzja għandek tippreżenta liċenzja valida maħruġa f’Malta jew fi Stat Membru tal-UE.

Tista’ tibgħat l-applikazzjoni tiegħek onlajn billi tikklikkja hawn jew timla l-formola tal-applikazzjoni u  teħodha fid-Direttorat tat-Trasport fuq l-Art fil-Furjana, u tieħu miegħek ukoll:

   il-karta tal-identità tiegħek
   żewġ ritratti qies tal-passaport
   ċertifikat mediku

Hemm ħlas ta’  € 29.25 biex jinħareġ il-permess internazzjonali għas-sewqan .


Kif naġġorna l-Liċenzja tas-Sewqan?

Inti tista’ taġġorna d-dettalji tal-liċenzja tas-sewqan tiegħek matul il-perjodu ta’ validità tal-liċenzja. Normalment dan isir meta tibdel ir-residenza jew tibdel il-kunjom wara li tiżżewweġ – biex b’hekk id-dettalji jiġu jaqblu ma’ dawk tal-karta tal-identità.

Il-liċenzji jiġu aġġornati wkoll meta s-sewwieq jgħaddi minn xi kategorija oħra tas-sewqan. Għandek tippreżenta ċ-ċertifikat tat-test fid-Direttorat tat-Trasport fuq l-Art, tirritorna l-liċenzja l-antika, tiġi pproċessata waħda ġdida u tintbagħatlek id-dar.


Bħala persuna anzjana, kif nikseb Liċenzja tas-Sewqan?

Il-proċess biex tikseb Liċenzja tas-Sewqan għall-Persuni Anzjani huwa l-istess bħal dak tal-liċenzja l-oħra; l-unika differenza hija li meta l-applikant jagħlaq 70 sena jkollu bżonn ċertifikat mediku ta’ saħħa fiżika. Dan iċ-ċertifikat huwa meħtieġ kull ħames snin, kif ukoll kull meta meta tiġġedded il-liċenzja. 


Tlift il-Liċenzja - X’għandi nagħmel?

Jekk tlift il-liċenzja tas-sewqan għandek tmur fl-Unità tal-Liċenzji għas-Sewwieqa u l-Vetturi fil-Furjana. Hemmhekk tagħmel dikjarazzjoni li tlift il-liċenzja u tinħariġlek oħra bi ħlas ta’
€25.65.


Il-Liċenzja tas-Sewqan tiegħi ġiet sospiża/skwalifikata -  x’għandi nagħmel?

Jekk il-liċenzja tas-sewqan tiegħek ġiet sospiża jew skwalifikata, dan ifisser li ħarġet ordni tal-qorti li tissospendik jew tiskwalifikak mis-sewqan. Dan normalment isir għal perjodu speċifiku u jvarja minn każ għall-ieħor. F’kull każ, meta persuna tirċievi l-ordni tal-qorti, hija għandha tirritorna l-kontroparti tal-liċenzja tas-sewqan u l-karta tas-sewqan tagħha lill-Awtorità.

Wara dan il-perjodu ta’ skwalifika (ovvjament sakemm ma jkunx għal dejjem), il-persuna kkonċernata tingħata lura l-liċenzja billi tippreżenta s-sentenza tal-Qorti.


Il-Liċenzja tas-Sewqan tiegħi ġiet revokata - x’għandi nagħmel?

Jekk il-liċenzja tas-sewqan tiegħek ġiet revokata, dan ifisser li fil-perjodu ta’ prova kkommettejt għadd ta’ kontravenzjonijiet li swewlek 12-il punt ta’ penali jew aktar.  F’dan il-każ, il-liċenzja tas-sewqan tiegħek  u l-kontroparti tagħha għandhom jiġu rritornati lill-Awtorità u tinħareġ kontroparti aġġornata dwar il-liċenzja tas-sewqan irrevokata, aġġornata bil-punti kollha li tkun tellajt. Il-ħlas għal dan is-servizz huwa €6. 

Ikun jeħtieġlek tibda l-proċess kollu mill-bidu biex terġa’ tikseb liċenzja tas-sewqan. Dan il-proċess ma jistax jibda qabel tliet (3) xhur mid-data tar-revoka.


X’għandi nagħmel biex inneħħi l-Liċenzja tas-Sewqan tiegħi?

Jekk ma tixtieqx tibqa’ ssuq, tista’ tirritorna l-kontroparti tal-liċenzja tas-sewqan u l-karta tas-sewqan tiegħek lid-Direttorat tat-Trasport fuq l-Art flimkien ma’ ittra fejn tiddikjara li ma tixtieqx tibqa’ ssuq.  L-Awtorità tieħu nota ta’ dan, u inti ma tirċevix aktar avviżi b’rabta ma’ din il-liċenzja.