Kif Tapplika għal Passaport f'Malta

​Getting a Passport
Kif Tapplika għal Passaport f'Malta

Passaport huwa forma ta’ identifikazzjoni rikonoxxuta internazzjonalment. Jekk beħsiebek tivvjaġġa f’xi pajjiż li mhuwiex fiż-Żona Schengen għandek bżonn passaport. F’din iż-Żona nsibu l-maġġoranza tal-pajjiżi tal-UE bl-eċċezzjoni tal-Bulgarija, Ċipru, l-Irlanda, ir-Renju Unit u r-Rumanija. Fiż-Żona Schengen iżda, hemm ukoll l-Islanda, il-Leichtenstein, in-Norveġja u l-Isvizzera. Jekk inti ċittadin tal-UE m’hemmx bżonn turi l-karta tal-identità jew il-passaport tiegħek meta tgħaddi minn pajjiż għall-ieħor fiż-Żona Schengen, iżda xorta waħda għandek iġġorr fuqek forma ta’ identifikazzjoni bħal passaport jew karta tal-identità minħabba li jistgħu jinqalgħu sitwazzjonijiet fejn tkun trid turi l-identità tiegħek (pereżempju jekk iwaqqfek pulizija jew biex titla’ fuq l-ajruplan).

Minn Ġunju 2012, biex jivvjaġġaw, it-tfal Maltin kollha jkollhom bżonn passaport jew karta tal-identità (anke jekk ikunu diġà mdaħħlin fil-passaport tal-ġenituri jew kustodju).

Il-proċess biex tikseb passaport normalment huwa wieħed sempliċi, u nistgħu ngħinuk issir taf x’għandek bżonn u xi trid tagħmel biex jinħariġlek passaport mingħajr problemi u dewmien bla bżonn.

Jekk inti ta’ ċittadinanza Maltija u trid tapplika għal passaport Malti, inti għandek tmur fl-Uffiċċju tal-Passaporti​ fil-
ħinijiet tal-ftuħ, u minn hemmhekk tiġbor il-formoli u d-dokumenti meħtieġa. Tista’ wkoll tniżżel il-formoli u l-informazzjoni kollha mill-internet, jew tiġborhom mill-għases tal-pulizija, mill-kunsilli lokali jew mill-aġenziji tal-ivvjaġġar ewlenin.

Mill-2008, l-Uffiċċju tal-Passaporti f’Malta beda joħroġ passaporti bijometriċi skont l-istandards u d-direttivi internazzjonali. Dawn id-dokumenti jkollhom id-dettalji bijometriċi tax-xbieha tal-wiċċ, il-firma u l-marki tas-swaba’ fuq ċippa integrata b’mod sigur. Jekk se tapplika għal passaport ġdid jew se ġġedded il-passaport tiegħek, dan issa se jkun bijometriku.


Biex Tapplika għall-Passaport l-Ewwel Darba f’Malta (Persuni ’l fuq minn 18-il sena)

Jekk għandek 18-il sena jew aktar, għandek timla l-Formola A
. Importanti ħafna li d-data tat-twelid tkun preċiża. Imbagħad din il-formola trid teħodha għand rakkomandant biex jiffirmahielek u jimla l-parti rilevanti tal-formola kif indikat. Ir-rakkomandant normalment ikun persuna professjonali jew qassis li jkun ilu jafek mill-inqas sentejn. Il-firma tar-rakkomandant hija meħtieġa biss meta tapplika l-ewwel darba.

Il-pass li jmiss hu li tirritorna l-formola tal-applikazzjoni personalment fl-Uffiċċju tal-Passaporti fejn jitteħdulek ir-ritratt, il-firma u l-marki tas-swaba’ bijometriċi. Mal-applikazzjoni titħallas tariffa u dan jista’ jsir bi flus kontanti, b’ċekk u b’karta tal-kreditu.

Jekk l-applikazzjoni tkun mimlija kif suppost, tista’ tiġbor il-passaport tiegħek wara li jgħaddu erbat ijiem tax-xogħol. Importanti li jkollok miegħek il-karta tal-identità meta tapplika jew tiġi biex tiġbor il-passaport.


Biex Tapplika għall-Passaport f’Malta (Persuni ta’ inqas minn 18-il sena)

Jekk għandek inqas minn 18-il sena (jew qed tapplika għal passaport f’isem minuri), għandek timla l-Formola A
. Importanti ħafna li d-data tat-twelid tkun preċiża. Persuni ta’ bejn 16 u 17-il sena jkollhom passaport li jibqa’ validu għal 10 snin, dawk bejn 10 u 15-il sena jkollhom passaport validu għal ħames snin, u tfal taħt l-10 snin ikollhom passaport validu għal sentejn.

Importanti li meta timla l-formola tal-applikazzjoni tiżgura li d-dettalji jkunu korretti. Iż-żewġ ġenituri għandhom jagħtu l-kunsens tagħhom billi jiffirmaw l-applikazzjoni fil-preżenza ta’ rakkomandant. Trid iġġib miegħek ukoll ritratt wieħed ta’ daqs 40mm x 30mm tat-tifel jew tifla jekk dawn ikollhom 6 snin, jew żewġ ritratti ta’ daqs 40mm x 30mm jekk ikollhom inqas minn 6 snin. Għat-tfal ta’ inqas minn 6 snin, jintużaw ir-ritratti ppreżentati mal-applikazzjoni, għalhekk tfal żgħar m’hemmx għalfejn jiġu fl-Uffiċċju tal-Passaporti.

Wara li tkun imlejt il-formola tal-applikazzjoni, għandek teħodha personalment fl-Uffiċċju tal-Passaporti, flimkien mal-karti tal-identità taż-żewġ ġenituri, iż-żewġ ritratti identiċi bil-kulur tat-tifel jew tifla tiegħek meħudin reċentement (kif ikun japplika) fuq sfond abjad (wieħed minnhom għandu jkun iffirmat fuq wara mir-rakkomandant), u l-passaport li għandek bħalissa (fejn japplika).

Jekk it-tifel/tifla tiegħek għandhom iktar minn 14-il sena u għandhom karta tal-identità valida, m’hemmx għalfejn tieħu miegħek ritratti ffirmati fuq wara. Minflok, dawn titteħdilhom xbieha bijometrika tal-wiċċ fl-Uffiċċju tal-Passaporti stess. L-applikanti ’l fuq minn 14-il sena xorta għandhom jieħdu magħhom il-karta tal-identità mal-applikazzjoni. It tfal li jkollhom 12-il sena jew aktar jitteħdulhom ukoll il-marki tas-swaba’ meta japplikaw għall-passaport.

Jekk l-applikazzjoni tkun mimlija kif suppost, tista’ tiġbor il-passaport tiegħek wara li jgħaddu erbat ijiem tax-xogħol. Wieħed mill-ġenituri jrid jiġi personalment bil-karta tal-identità tiegħu biex jiġbor il-passaport tat-tifel jew tifla tiegħu. L-applikanti kollha ta’ 12-il sena jew aktar għandhom jiġbru l-passaport huma stess (il-minuri għandhom ukoll ikunu akkumpanjati minn mill-inqas wieħed mill-ġenituri tagħhom).


Biex tapplika għal Passaport ta’ Refuġjat

Biex tapplika għal Passaport ta’ Refuġjat, għandek timla l-Formola A​
, u teħodha għand rakkomandant biex jiffirmaha. Ir-rakkomandant normalment ikun persuna professjonali jew qassis li jkun ilu jafek mill-inqas sentejn. Jekk inti diġà għandek dokument tal-ivvjaġġar, trid tirritorna l-passaport ta’ qabel meta tapplika għal wieħed ġdid. Jekk għandek karta tal-identità Maltija, għandek tippreżentaha wkoll.

Irritorna l-formola tal-applikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Passaporti, u ġib miegħek iċ-Ċertifikat ta’ Refuġjat maħruġ mill-Kummissjoni tar-Refuġjati. Jitteħdulek xbieha tal-wiċċ u l-marki tas-swaba’ bijometriċi. Trid ukoll tħallas it-tariffa tal-applikazzjoni.

Jekk l-applikazzjoni tkun mimlija kif suppost, tista’ tiġbor il-passaport tiegħek wara li jgħaddu erbat ijiem tax-xogħol. Huwa importanti li meta tapplika għal Passaport ta’ Refuġjat kif ukoll meta tiġi tiġbru, iġġib miegħek iċ-Ċertifikat ta’ Refuġjat.


Biex tapplika għal Passaport ta’ Stranġier

Biex tapplika għal Passaport ta’ Stranġier, għandek timla l-Formola H, li tista’ tiġborha minn Dar l-Emigrant, Kummissjoni tal-Emigranti, Kastilja, il-Belt Valletta. Din il-formola għandha timtela mid-Direttur ta’ Dar l-Emigrant (jew fin-nuqqas tiegħu, minn persuna oħra awtorizzata minnu). Imbagħad ir-rakkomandant għandu jimla l-parti rilevanti tal-formola tal-applikazzjoni kif indikat.

Malli jinfurmawk li l-applikazzjoni tiegħek ġiet approvata mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru responsabbli għall-immigrazzjoni, tista’ tmur il-Kummissjoni tal-Emigranti. Hemmhekk jagħtuk appuntament biex tmur l-Uffiċċju tal-Passaporti u tapplika personalment għal Passaport ta’ Stranġier. Ħu miegħek il-karta tal-identità Maltija u ċ-Ċertifikat ta’ Protezzjoni Sussidjarja/ Ċertifikat ta’ Status Umanitarju maħruġ mill-Kummissjoni tar-Refuġjati. Jitteħdulek xbieha tal-wiċċ u l-marki tas-swaba’ bijometriċi. Trid ukoll tħallas it-tariffa tal-applikazzjoni.

Jekk tkun imlejt l-applikazzjoni kif suppost, il-passaport jitlesta fi żmien għoxrin (20) ġurnata tax-xogħol. Important li jkollok miegħek iċ-Ċertifikat ta’ Protezzjoni Sussidjarja/ Ċertifikat ta’ Status Umanitarju u l-karta tal-identità tiegħek meta tapplika għall-passaport u biex tiġbru. Meta tiġbor il-passaport, trid tħalli magħna ċ-Ċertifikat tal-Immigrazzjoni maħruġ mill-Pulizjia.


Biex tapplika għal Passaport Kollettiv

L-Uffiċċju tal-Passaporti joħroġ passaporti kollettivi għal tfal Maltin li jkunu se jsiefru fl-Ewropa fi gruppi ta’ mhux inqas minn ħamsa u mhux iktar minn 50.

Biex japplika għal dan it-tip ta’ passaport, il-kap tal-grupp għandu jimla l-formola tal-applikazzjoni C li tista’ tinkiseb mill-Uffiċċju tal-Passaporti. Barra minn hekk, huwa għandu jissottometti żewġ ritratti identiċi reċenti u bil-kulur, ta’ daqs 40mm x 30mm ta’ kull tifel u tifla. Wieħed minn dawn ir-ritratti jrid ikun iffirmat minn rakkomandant. Irid iġib ukoll il-formola tal-kunsens tal-ġenituri ffirmata wkoll mill-istess rakkomandant. Iż-żewġ ġenituri għandhom jiffirmaw il-formola tal-kunsens fil-preżenza tal-istess rakkomandant.

Il-kap tal-grupp għandu jieħu l-formola tal-applikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Passaporti, flimkien ma’ dak kollu msemmi hawn fuq, kif ukoll il-passaport tiegħu stess. Imbagħad tinħareġ kard għal kull tifel u tifla li fiha jkun hemm l-isem, il-kunjom u r-ritratt. Dawn ikunu jistgħu jinġabru mill-kap tal-grupp ġimgħa wara li tkun ġiet sottomessa l-applikazzjoni.


Għandek bżonn passaport urġenti f’Malta?

L-Uffiċċju tal-Passaporti jipprovdi servizz ta’ emerġenza 24 siegħa kuljum lil dawk li jkollhom bżonn passaport urġenti minħabba xi ċirkustanzi partikolari. F’dawn il-każijiet, wieħed għandu jikkuntattja l-Awtoritajiet tal-Immigrazzjoni fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fuq in-numru 2122 2941.  Il-ħlas għal dan is-serivzz huwa skont ir-rati stabbiliti u dan is-servizz jiġi pprovdut sakemm inti tavża lill-uffiċjal fl-Uffiċċju tal-Passaporti mill-inqas 4 sigħat qabel tiġi bżonn dan is-serivzz.  Jekk il-passaport intilef, insteraq jew ġie distrutt, ma nkunux nistgħu noħorġu passaport ġdid wara l-ħinijiet uffiċċjali tal-ftuħ.



Dokumenti ta’ Urġenza f’Malta

Jekk il-passaport tiegħek ġralu xi ħaġa u għandek bżonn dokument ta’ urġenza biex tkun tista’ toħroġ minn Malta.  Mur applika personalment fl-Uffiċċju tal-Passaporti u d-dokument ikun lest biex jinġabar il-ġurnata tax-xogħol li jkun imiss.

Ftakar li dan id-dokument jinħareġ biss f’ċirkustanzi speċjali u biex tkun tista’ toħroġ mill-pajjiż biss.  


Il-Passaporti f’Malta: Mistoqsijiet Komuni

Jekk għandek xi mistoqsijiet oħra dwar l-ipproċessar tal-passaporti f’Malta, ikklikkja
hawn.​ 

 
 

CONTACT INFORMATION



Contact Address
Passport Office,
Evans Building,
Merchant Street
Valletta VLT 2000
 
Telephone
2590 4100 / 8007 2386
 

Contact Address
Passport Office,
St Francis Square,
Victoria, Gozo
 
Telephone
2215 6270 / 2215 6247
 

Email
 
Website
www.passaporti.gov.mt