L-Edukazzjoni

​​

Bla dubju ta’ xejn edukazzjoni tajba hija fundamentali biex illum il-ġurnata l-ħajja tkun waħda kompluta. Jekk wieħed ikollu prospetti ta’ karriera stimulanti, jew jixtieq ikun kapaċi jipparteċipa f’attivitajiet impenjattivi, l-ewwel irid ikollu pedament edukattiv sod. 

 
Huwa għalhekk li hawn Malta l-iskola hija bla ħlas u obbligatorja sal-età ta’ 16 il sena. Sew jekk tixtieq issir veterinarju, għalliem, pittur, bniedem tas-sengħa jew bdot, hemm firxa vasta ta’ skejjel, kulleġġi u istituti f’Malta li se jgħinuk tilħaq l-għanijiet tiegħek u li permezz tagħhom il-ħolm tiegħek isir realtà.

Is-Sistema Edukattiva f’Malta​

L-
Edukazzjoni hija bla ħlas għar-residenti Maltin li għandhom bejn ħames snin u 16‑il sena. Huwa wkoll obbligatorju li tmur l-iskola matul dan iż-żmien u sakemm tlesti l-Form 5. Wara dan, tista’ tagħmel l-eżami taċ-Ċertifikat tal-Edukazzjoni Sekondarja (SEC).

Minn hemm ’il quddiem, inti tiddeċiedi jekk tixtieqx tkompli tistudja u f’liema direzzjoni tixtieq tmur. Tista’ tieħu r-rotta li twasslek għall-edukazzjoni postsekondarja u tmur is-sixth form u l-Università, jew tista’ tibda taħdem mill-ewwel. Tista’ wkoll titgħallem sengħa fil-forma ta’ apprendistat, jew tingħata taħriġ vokazzjonali pereżempju fl-
Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS) jew il-Kulleġġ Malti tal-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST).

eżamijiet

Id-Dipartiment tal-Eżamijiet jagħmel parti mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. Is-sit tad-dipartiment joffri informazzjoni dwar il-lokalitajiet varji fejn isiru l-eżamijiet madwar Malta u Għawdex, dati u ħin tal-eżamijiet u d-dati ta'reġistrazzjoni fost informazzjoni oħra. Wieħed jista' jaċċessa s-sit billi jikklikkja hawn.

 

Validita' tal-Kwalifikazzjoni
 
Qabel ma tapplika għal xi kors ta' kwalifika, huwa tajjeb li wieħed jiċċekkja jekk l-istituzzjoni/universita li applikajt magħha u/jew il-kwalifika li applikajt għaliha hiex rikonoxxuta. Aktar informazzjoni tista' tinkiseb minn hawn.