L-Involviment tal-Komunità f’Malta

​Community Help
L-Involviment tal-Komunità f’Malta

Il-kunċett ta’ involviment tal-komunità jfisser li r-residenti jiġu mħeġġa jaħdmu flimkien biex iwieġbu għall-ħtiġijiet tal-komunità u biex jiġbru flimkien ir-riżorsi lokali, pereżempju billi l-organizzazzjonijiet volontarji li joffru servizzi ta’ emerġenza jingħaqdu flimkien.

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandu lista ta’ volontiera li joffru servizzi ta’ għajnuna lil dan id-Dipartiment f’każijiet ta’ emerġenza ta’ skala kbira jew kumplessa.  Jiġu assenjati diversi kompiti lil dawn il-volontiera; dawn ivarjaw minn Tiftix u Salvataġġ f’żoni abitati għal operazzjonijiet ta’ tifi tan-nar jew salvataġġ fil-baħar. Dawn il-volontiera jingħaqdu mal-impjegati full-time ta’ dan id-Dipartiment biex jieħdu t-taħriġ neċessarju bl-għan li jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom f’dak li jirrigwarda r-rispons f’każijiet ta’ emerġenza.

L-Unità tat-Tifi tan-Nar u Salvataġġ f’Każijiet ta’ Emerġenza, il-Korp ta’ Salvataġġ tas-St. John u l-Korp ta’ Rispons u Salvataġġ f’Każijiet ta’ Emerġenza bbażat f’Għawdex ġew stabbiliti biex jipprovdu servizzi ta’ salvataġġ f’każijiet ta’ emerġenza jew bħala parti minn pjan ta’ kontinġenza  f’każ ta’ diżastru nazzjonali bħal terremot, tiġrif ta’ ajruplan, għargħar jew diżastri kbar oħra. Il-membri ta’ dawn il-korpi jispeċjalizzaw f’għadd ta’ tekniki intiżi li jsalvaw ħajjet in-nies. It-tip ta’ salvataġġ ivarja minn dak l-aktar bażiku sa operazzjonijiet fuq skala kbira, u jinkludi t-tifi tan-nar, l-ewwel għajnuna u s-salvataġġ minn bugħaddasa esperti. 

Is-Servizz tal-Forzi ta’ Emerġenza ta’ Riżerva ta’ Voluntieri huwa simili għall-entitajiet imsemmija hawn fuq. Dan is-Servizz huwa magħmul minn suldati part-time rġiel u nisa li jassistu lill-Forza Regolari tal-Forzi Armati ta’ Malta f’każijiet ta’ emerġenza. Huma jirċievu taħriġ estensiv biex ikunu jistgħu jipprovdu l-għajnuna tagħhom f’każijiet ta’ emerġenza, jikkontribwixxu għas-sigurtà f’postijiet ċentrali jew strateġiċi, iwettqu monitoraġġ u sorveljanza tattiċi u jħaddmu kanuni żgħar kontra attakki mill-ajru.

Il-kunċett tal-involviment tal-komunità jinkorpora fih il-preparazzjoni f’każijiet ta’ emerġenza. Jeżisti kors tal-ewwel għajnuna li tfassal speċifikament biex jgħinek tiżviluppa l-ħiliet neċessarji biex tagħti l-għajnuna tiegħek f’każijiet ta’ emerġenza.  Kemm is-St John Ambulance  kif ukoll ir-Red Cross Malta joffru dawn il-korsijiet fuq bażi regolari.  Barra minn hekk huma dejjem lesti biex jipprovdu appoġġ loġistiku lil dawk kollha li jipprovdu servizzi ta’ emerġenza meta jinqalgħu tali emerġenzi u f’operazzjonijiet ta’ għajnuna umanitarja.​​​​