Il-Faċilitajiet Korrettivi f’Malta

​Correctional Services in Malta
Il-Faċilitajiet Korrettivi f’Malta

Meta persuna tiġi arrestata Malta, hija tista’ tintbagħat f’wieħed minn erba’ postijiet ta’ kustodja li huma dawn li ġejjin.

Il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, li tinsab fi Triq Valletta f’Raħal Ġdid, hija l-faċilità ta’ priġunerija ewlenija f’Malta.  Mbagħad hemm l-Unità tat-Terapija għall-Abbuż tad-Drogi fl-Imtaħleb, il-Lock-Up tal-Belt li jinsab taħt il-Qorti ta’ Malta, u l-Unità tal-Forensika fi ħdan l-Isptar Monte Carmeli Ħ’Attard.

Fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin insibu d-dipartimenti li ġejjin:​

   l-Unità tal-Kura u r-Riintegrazzjoni
   l-Unità Operattiva
   l-Unità tas-Sigurtà
   is-Servizzi għad-Detenuti
   is-Servizzi Psikjatriċi
   is-Servizzi Psikoloġiċi
​   is-Servizzi tal-Welfare
   l-Unità Edukattiva
   is-Servizzi Spiritwali
   l-Unità Medika
   ir-Reġistru tad-Detenuti
   il-Bieb tal-Faċilità (Gate House)
   il-Kamra Ċentrali tal-Kontroll
   l-Iskwadra ta’ Intervent Speċjali
   is-Sezzjoni tal-Klieb
   is-Sezzjoni Amminisrattiva
   Y.O.U.R.S. (l-unità tas-servizzi ta’ riabilitazzjoni taż-żgħażagħ)
   Snajja’
   Iż-Żoni tal-Viżitaturi
   Imħażen​

Bħala istituzzjoni, id-Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi f’Malta huwa responsabbli għall-kustodja tad-detenuti, filwaqt li jipprovdilhom programmi ta’ riabilitazzjoni skont pjan ta’ kura mħejji mill-Unità tal-Kura u r-Riintegrazzjoni.  Huwa għandu wkoll id-dmir li jipprovdi kundizzjonijiet ta’ għajxien deċenti għad-detenuti, kif ukoll li jattwa programmi li jgħinuhom jindirizzaw il-problema tagħhom bl-għan li jidħlu lura fil-komunità bħala ċittadini responsabbli.  Dawn jinkludu attivitajiet edukattivi, vokazzjonali, spiritwali u sportivi.  Id-detenuti jieħdu sehem f’dawn il-programmi fuq bażi volontarja.

Biex tikkuntattja lid-Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi ċempel fuq in-numru (+356) 2169 1428.


Is-Servizzi ta’ Probation u Parole f’Malta

Jekk persuna tittella’ l-Qorti jew tiġi ġustizzjata mill-istess Qorti, din tista’ tiddeċiedi li tirreferiha għand uffiċjal tal-probation fi ħdan id-Dipartiment tal-Probation u l-Parole.

Wara l-assenjazzjoni ta’ uffiċjal, isiru laqgħat kif ukoll żjarat fid-dar skont kif ikun meħtieġ. L-uffiċjal jara li jiġu rispettati l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti u li jiġu segwiti l-proċeduri tal-ittestjar għat-teħid tad-droga. L-Uffiċjal inkarigat jista’ wkoll jirreferi lill-persuna kkonċernata għand aġenziji kwalifikati speċjalizzati fil-kura mill-vizzju tad-droga jew problemi ta’ mġiba.

L-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi (Kapitolu 516, Liġijiet ta’ Malta), li daħal fis-seħħ fis-27 ta’ Jannar 2012, introduċa kunċetti ġodda ta’ ġustizzja riparatriċi fil-liġi kriminali Maltija. Dawn jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-Parole u dwar l-Appoġġ lill-Vittmi. Dawn iż-żewġ funzjonijiet ġodda jaqgħu taħt ir-responsabilità tad-Dipartiment tal-Probation u l-Parole.  Barra minn hekk ġie stabbilit Kumitat ġdid għall-Medjazzjoni bejn il-Vittma u Min Wettaq ir-Reat biex jistabbilixxi l-eliġibilità u/jew l-adattabilità tal-vittma  u  ta’ min wettaq ir-reat għall-medjazzjoni bejniethom. Huwa għandu wkoll id-dmir li jissorvelja  lill-medjaturi.

Malli detenut jingħata l-Parole, l-Uffiċjal tal-Parole jissorvelja, jagħti parir u jassisti lil min ikun fuq il-parole, bl-għan li dan ma jerġax iwettaq reat.  Barra minn hekk, l-Uffiċjal tal-Parole jfassal pjan, iwettaq monitoraġġ u jassisti lil min ikun fuq il-parole biex dan iħares il-kundizzjonijiet tal-liċenzja tal-parole; ikompli jgħin lil min ikun fuq il-parole biex jifhem il-ħsara li jkun għamel lill-vittma tad-delitt u lis-soċjetà; jgħaddi rapporti  lill-Bord tal-Parole, kull xahrejn, dwar il-progress ta’ min ikun fuq il-parole; jassisti lil min ikun fuq il-parole biex ikompli bi sforzi soċjali u edukattivi xierqa; jassisti lil min ikun fuq il-parole biex isib impjieg adattat; jirrapporta lill-Bord tal-Parole dwar xi ksur li jkun sar minn min ikun fuq il-parole ta’ xi kundizzjoni msemmija fil-liċenzja tal-parole.

Tista’ tikkuntattja lid-Dipartiment tal-Probation u l-Parole fuq in-numru (+356) 2124 9864 jew billi tibgħat email f’dan l-indirizz: probation.services@gov.mt  Ikklikkja hawn għal aktar informazzjoni.


Programmi ta’ Riabilitazzjoni f’Malta

Hemm diversi entitajiet governattivi u NGOs li joffru programmi ta’ riabilitazzjoni f’Malta.  

Fosthom hemm is-S.A.T.U. (Substance Abuse Therapeutic Unit), li hija maħsuba għall-irġiel li jkunu abbużaw mid-drogi u li tkun ingħatatilhom sentenza mill-qorti. Huma stess jitolbu l-opportunità ta’ riabilitazzjoni. Dan il-programm jgħin biex persuna ssolvi l-problemi individwali tagħha kemm fil-livell professjonali kif ukoll fil-komunità.

Ikklikkja hawn biex tikkuntattja lill-Unità S.A.T.U., kif ukoll biex tikseb iktar informazzjoni dwar il-programmi offruti. ​​​​